Nitkellmu ma’ Angie Laus

Angie, wara 13-il sena, Ħadd Għalik ġie fi tmiemu. Kienet faċli għalik biex tagħlaq dan il-kapitlu wara dawn is-snin kollha?

Iva ta, kienet faċli…kont deċiża li kellu jieqaf u allura kif kelli l-opportunità li nibdel il-programm ħadtha mill-ewwel. Kuntenta li spiċċa meta kien għadu popolari ħafna…dik tagħtini sodisfazzjon.

Ingħalaq kapitlu, u nfetaħ ieħor bl-isem ta’ UEJJA. UEJJA se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ħadd, fil-12:15 fuq TVM. Minn fejn ġie l-isem u kif ġiet l-idea għal dan il-programm?

Ridna game show differenti u allura għażilna logħob li b’xi mod jew ieħor in-nies jafu u ovvjament adattajnihom għalina. Huma kollha logħob li jekk tkun id-dar mal-familja tista’ toqgħod tilgħabhom ukoll. Dan il-kunċett ħloqnih jien u Mick, it-tifel tiegħi, allura aktar għal qalbi. L-isem ma ħriġtx bih jien! Konna t-tim kollu u Mandy, waħda mill-produtturi, tefgħet l-idea tal-isem Uejja u għoġob lil kulħadd!

X’se jagħmel dan il-programm differenti minn Ħadd Għalik?

Dan ftit aktar serju, m’għandu xejn x’jaqsam ma’ Ħadd Għalik ħlief li żammejna l-music machine.

X’impenn u preparamenti jirrikjedi programm bħal dan?

Ma tistax timmaġina. Ilna 3 xhur naħdmu fuq produzzjoni, sett, marketing, filmati, sorpriżi, kontestanti, mistoqsijiet…prattikament kieku mhux għax għandna tim tajjeb naħseb kieku jkun impossibbli.

X’inhi l-aktar ħaġa li int l-aktar ħerqana għaliha f’dan il-programm?

Dan baby ġdid! Eċitament kbir biex jibda u naraw kif jintlaqa’.

Hemm xi ħaġa partikolari li se nkunu qed naraw?

Nahseb li l-art tas-sett hija impressjonanti! Tixgħel kollha, battikata kbira imma worth it! Imnalla kien it-tim tekniku …ma nafx kif ma għollewniex!

Fil-karriera tiegħek ma’ ħafna personaġġi differenti, semmilna tnejn minn l-aktar li ħallew impatt fuqek personali, u għaliex?

Diffiċli din! Wieħed minnhom żgur li hu Peppi għaliex minnu nitgħallem il-ħin kollu. Ma naqblux f’ħafna affarijiet imma xorta għandi rispett kbir lejh għax dak li jemmen jaħdem għalih u ma jaqta’ qalbu qatt anke jekk ikollu id-dinja kontrih. Ma’ Peppi għandi x-xorti li nitkellem kuljum għaliex naħdmu flimkien…ilni 20 sena issa! Ovvja sirna ħbieb kbar.

Imbagħad naħseb se nsemmi żewġ persuni li mhumiex fix-xena tal-entertainment. Fr Martin mid-Dar tal-Providenza, ħabib kbir li għandi rispett lejn dak kollu li jagħmel b’mod inkredibbli. Kieku fid-dinja hawn aktar bħalu kieku tgħidx kemm ngħixu f’dinja aħjar! U Robert li jaħdem mal-Missio. Kien hu li għażilni biex immur l-ewwel darba missjoni…din bidliltli ħajti…inħoss li jien ħafna aħjar bħala persuna bis-saħħa tal-missjoni. Ma’ Robert illum għandi ħbiberija kbira, raġel ta’ rispett kbir u li jaħdem ħafna għall-missjoni.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

Bla dubju l-ikbar sodisfazzjon ikun meta nirċievi ittri jew emails mingħand nies li għalihom il-programmi jagħmlu differenza. Għadek ma tafx kemm hawn nies li jghixu fis-solitudni u li l-unika kumpanija għalihom huwa t-TV. Tad-dwejjaq anke taħsibha imma sfortunatament din hi realtà li teżisti.

Hija faċli l-ħajja pubblika?

Ma nħallihiex taffettwani ħafna, wara kollox dan huwa xogħol…ovvjament dejjem ħa jkollok min itellagħlek il-moral b’dak li jgħidlek u oħrajn li veru jippruvaw ikissruk, imma dik tistenniha.

Liema kien l-aktar mument li veru stħajt f’ħajtek?

Kelli naqra ta! Però ftit ilu kelli appuntament l-isptar u ridt immur bil-karozza tal-linja u kont ftit tard. Kif wasalt kważi fejn il-bus stop nara tal-linja ġejja u għidt aħjar niġri biex ma nkunx tard…tlaqt niġri u bqajt dieħla f’arblu! Kissirt in-nuċċali tax xemx u rajt lil kulħadd iħares lejja imma kont determinata li nitla’ tal-linja. Xħin tlajt aktar bdew iħarsu lejja u ma stajtx nifhem għaliex! Wasalt l-isptar u qabel ma mort għand it-tabib dhalt fit-toilet ħa niċċekkja x’għandi fil-mera, indunajt li qsamt fuq għajnejja u kont kollni demm! Mhux ta’ xejn bdew iħarsu lejja! Spiċċajt mort għand it-tabib u minflok għamilli t-testijiet qagħad jagħmilli l-butterfly stitches! Minn dakinhar tgħidx kemm qed noqgħod attenta għall-arbli!

Uħud jikkummentaw fuq il-midja soċjali, li skonthom, fuq it-televiżjoni jaraw dejjem l-istess uċuħ. X’inhi r-reazzjoni tiegħek dwar dan?

Dan huwa xogħol, mhux passatemp. Wieħed irid jifhem li jekk jien nieqaf nispiċċa bla xogħol! Din hija l-karriera tiegħi. Nifhem li forsi ilni ħafna nidher imma immaġina tmur fuq għalliema u wara 10 snin tgħidilha issa għadda żmienek! Ma tagħmilhiex hux? Jew fuq avukat, bennej, kittieb, ikun xi jkun…mela ddum tistudja għal dan ix-xogħol imma mbagħad trid tagħmlu għal ftit snin biss? Ma tagħmilx sens! Aħna mhux bħall-barranin ta, dawk f’ħames snin tant jagħmlu flus li jistgħu jirtiraw! U xorta ma jagħmluhiex, insemmilek ftit Gerry Scotty, Maria De Filippi, Ant and Dec, Oprah! Dawn baqgħu għadejjin!

X’inhu l-messaġġ tiegħek lil dawk is-segwaċi li dejjem isegwu u japprezzaw ix-xogħol tagħkom?

Ma nistax nuri biżżejjed apprezzament u gratitudni għan-nies li jibqgħu jsegwuna! Grazzi minn qalbi!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks