Għaddej minn naħa għal oħra tal-kuritur.
Inħasdet.
Qalbha għamlet tikk.
“Min hemm?” staqsiet, tisma’ leħinha jirbombja f’dar li suppost kienet vojta.
Xejn.
Kwiet.
Donnu kollox kien normali.
Donnu ma kien hemm xejn ħażin.
Iżda mbagħad ħasset l-għadam ta’ idejha jiksaħ minn fejn kienet qiegħda, b’idejha mserrħin mal-ħajt, tittawwal b’par għajnejn kbar, imberrqin.
Mingħajr ma kellha ċans taħseb, f’ħakka t’għajn, rat persuna liebsa balaklava tittawlilha mill-kuritur, tiġri lejha, taqbadha bis-saħħa, timbuttaha lejn il-ħajt u tagħtiha daqqa ġo rasha.
F’dawk il-ftit sekondi li damet f’sensiha, rat lill-persuna tneħħi l-balaklava, ħassitha taqbadha minn spallejha u tistaqsiha fejn kienu l-flus.
Fil-bidu l-leħen ta’ din il-persuna kien ta’ bniedem normali iżda mbagħad donnu beda jitqal, jitħawwar mal-irkejjen ta’ moħħha u jintilef hemm.
Ħasset lill-persuna l-oħra tneħħilha ħwejjiġha u timmolestaha. Kienet taf. Kienet taf li kienet qiegħda tiġi abbużata għaliex għalkemm ma setgħetx iċċaqlaq sew idejha u tgħolli għajnejha kif riedet, kienet qiegħda tħoss ħafna uġigħ. Uġigħ u taqligħ.
“It-tarbija…………” bdiet tgħid bejn par xufftejn xotti, bojod bil-qatgħa li kienet għadha kemm ħadet bil-preżenza ta’ dan l-uman mostruż.
“Ħallini!” riedet tgħidlu, iżda leħinha ma setgħetx issibu u mbagħad bdiet tħossha donnha titbiegħed u titbiegħed iżjed mid-dinja.
Il-ħsejjes u l-uġigħ donnhom tbiegħdu u naqsu.
Naqsu sa’ xħin ma baqgħet tara xejn aktar.
Sa’ xħin kullimkien…………………
Kullimkien kien jidher id-dlam.
Dlam ċappa.
Skiet.
U kesħa kbira.
Donnha kienet għarwiena f’dimensjoni oħra. Dimensjoni bla kuluri.
Xħin jiena wasalt quddiem il-bieb tad-dar, indunajt li kien hemm xi ħaġa insolita.
Is-soltu, Fior dejjem kienet iżżomm il-bieb tad-dar magħluq.
Dejjem.
Iżda dakinhar……………….
Dakinhar, il-bieb tad-dar infetaħ eżatt malli missejt iċ-ċavetta miegħu. Kien miftuħ. Iva, kien miftuħ.
B’ħalqi miftuħ, ittawwalt ġewwa.
Fil-kuritur tal-entratura ma kien jidher xejn.
“Fior?” għajjatt b’leħen xi ftit għoli.
Skiet.
Ma smajt xejn.
“Fior?” erġajt għajjatt.
Tgħid kienet qiegħda tipprova tagħmilli xi ċajta? Jew forsi riedet tagħmilli xi sorpriża.
Iżda eżatt malli dħalt ġewwa u għalaqt il-bieb warajja, indunajt li kien hemm it-taqtir tad-demm mal-art. U twerwirt.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi