Minn investigazzjoni li saret dwar abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika Franċiża ġie żvelat li iktar minn 200,000 tifel u tifla kienu vittmi ta’ abbuż mill-kleru, mill-1950.
Fir-rapport tal-investigazzjoni ntqal li ħafna mill-vittmi kienu subien, li ħafna minnhom kellhom bejn l-10 u t-13-il sena, u li l-Knisja kienet tagħti prijorità lill-protezzjoni tal-istituzzjoni fuq vittmi li ġew imħeġġa jibqgħu siekta.
In-numru ta’ minuri abbużati jitla’ għal madwar 330,000 meta jiġu inklużi vittmi ta’ nies li ma kinux kleru iżda kellhom rabtiet oħra mal-knisja, bħal skejjel Kattoliċi u għaqdiet għaż-żgħażagħ. L-investigazzjoni sabet li bejn 2,900 u 3,200 li abbużaw, kienu jaħdmu fil-Knisja Kattolika Franċiża bejn l-1950 u l-2020, minn total ta’ 115,000 saċerdot u kleriċi oħra.
Dan ir-rapport, l-iktar rapport dettaljat ta’ abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika Franċiża s’issa, ġie kkompilat minn kummissjoni indipendenti fuq talba ta’ uffiċjali tal-Knisja. Dan isegwi rapporti simili minn pajjiżi oħra li taw daqqa lir-reputazzjoni tal-Knisja fl-aħħar snin.
