Il-Paraliżi Ċerebrali hija kundizzjoni li taffettwa l-moviment tal-ġisem u l-koordinazzjoni tal-muskoli. Din il-kundizzjoni mhix ereditarja u hija waħda li trid tibqa’ tgħix biha. Hija waħda mill-aktar kundizzjoni ta’ diżabilità fiżika komuni fit-tfal.
Is-6 t’Ottubru ta’ kull sena jimmarka l-Jum Dinji tal-Paraliżi Ċerebrali. L-għan ta’ dan il-jum huwa li jqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni.
L-aktar ħaġa importanti li wieħed għandu jkun jaf hija l-Paraliżi Ċerebrali mhijiex marda. Fil-fatt, hija meqjusa bħala diżordni. L-effetti tagħha jinbidlu minn persuna għal oħra. Uħud mill-effetti jinkludu dgħufija f’idejn waħda jew fiż-żewġ idejn, epilessija, diżabilità intellettwali u diffikultà biex tikkontrolla ċerti movimenti bħall-mixi.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Jum Dinji tal-Paraliżi Ċerebrali huwa li jippromwovi soċjetajiet aktar inklussivi għal persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni. Mod wieħed biex dan iseħħ huwa li teduka lid-dinja dwar l-idea li l-Paraliżi Ċerebrali mhix xi marda jew diżordni stramba. F’ħafna soċjetajiet, in-nies li jgħixu b’din il-kundizzjoni jiġu trattati bħala “msieken” jew jiġu protetti żżejjed. Il-Jum Dinji tal-Paraliżi Ċerebrali huwa opportunità biex tipproduċi azzjonijiet li jwasslu għal imħuħ u soċjetajiet aktar miftuħa.
Il-Paraliżi Ċerebrali hija diżordni dinjija li taffettwa miljuni ta’ nies, primarjament tfal. Organizzazzjonijiet globali qed jikkollaboraw biex jaħdmu fuq il-kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw dawk li jgħixu bil-kundizzjoni. Skont l-organizzaturi tal-Jum Dinji tal-Paraliżi Ċerebrali, hemm grupp attiv ta’ familji u organizzazzjonijiet f’madwar 65 pajjiż li jaħdmu fuq dijanjosi u trattament tal-Paraliżi Ċerebrali imtejjeb, kwalità ta’ ħajja aħjar, opportunitajiet edukattivi, u kontribuzzjonijiet ta’ fondi biex jiffinanzjaw riċerka kontinwa.
