Inqalgħet kwistjoni fejn xi ħadd ħa deċiżjoni arbitrarja, u persuna li tgħix f’dar komunitarja ma kinitx se titħalla iżjed iddaħħal il-mobility scooter fil-binja. Dan ifisser li sakemm din il-persuna ma ssibx min lest li jwassalha sal-iscooter, ma tkunx tista’ toħroġ.

Għad hawn min ma jafx li kull tip ta’ għajnuna biex wieħed jimxi – scooter, siġġu tar-roti, bastun, krozzi – ikun x’ikun, skont l-etikett, huwa meqjus bħala parti mill-persuna u l-ispazju personali tiegħu. Tajjeb li nsemmu wkoll li għal min ikollu kelb-gwida, l-ispazju personali jinkludi lilu wkoll.

Għaldaqstant, għandna nżommu dan f’moħħna fl-interazzjonijiet kollha, li jkollna ma’ nies li jużaw dawn il-mezzi biex jaslu minn post għal ieħor.

Aħna li ma nużawx dawn l-affarijiet, mhux dejjem Nifhmuha din. Iżda nafu x’inħossu meta xi ħadd jersaq qrib tagħna u ma nkunux komdi bih. Dan għax l-ispazju personali huwa ż-żona ‘tagħna’, u jekk xi ħadd li ma jkollniex pjaċir bih, jinvadih, inħossuna skomdi, u nervużi. Bejn wieħed u ieħor, dan l-ispazju jrid ikun ta’ pied u nofs (46cm).

Bħal ma wieħed ma jaqbadx u jmiss lil dak li jkun bl-addoċċ, hekk anqas għandu jmiss l-għajnuna għall-mobilità bla permess.

Ngħidu aħna, jekk ikun hemm xi ħadd bil-wheelchair, qed jistenna’ biex jaqsam it-triq, int ma tistax tmur timbuttah bla avviż. Staqsi, u ara x’jgħidlek. Jekk jgħidlek “Le, grazzi, nirranġa…” tibqax tiffittah, u tieħux għalik.

U, bilħaqq – taqbadx u sserraħ mas-siġġu tar-roti, u tużaħx bħala spalliera, u ddendilx il-handbag mad-dahar tiegħu. Jekk min juża s-siġġu qiegħed fis-sodda, jew fuq sufan, dan ma jfissirx li tista’ ċċaqalqu bla permess, xorta. Lanqas suppost li taqbad il-krozzi jew il-bastun, tmiddhom fuq mejda “biex ma jaqgħux”, mingħar il-permess ta’ dak li jużahom.

Il-klieb gustużi, u aħna nieħdu gost meta s-sidien tagħhom iħalluna mmelsuhom. Imma l-klieb kollha ta’ gwida jew tat-terapija emozzjonali ikunu iffukati fuq xogħolhom, u ma nistgħux infixkluhom mill-qadi ta’ dmirijiethom billi mmissuhom, inkellmuhom, jew noffrulhom xi ikel.

Jekk subgħajk jikluk biex tmellishom, itlob permess biex tagħmel dan.

Ma ninsewx li min għandu l-awtiżmu x’aktarx li ma jiħux gost li tidħol fl-ispazju personali tiegħu, aħseb u ara jekk tmissu, iżjed u iżjed jekk ikollok xi fwieħa qawwija, jew riħa t’għaraq, li xxommhom minn seba’ mili ‘l bogħod.

Min għandu PTSD u xi tip ta’ dipressjoni u / jew ansjetà, ukoll isib li jippreferi li jagħżel hu kif jissoċjalizza u jikkomunika; m’għandniex nisfurzawh aħna.

Irridu napprezzaw li meta nħallu l-ispazju personali ta’ xi ħadd bla mittiefes, ikun sinjal ta’ rispett. Ikun iżjed faċli li dak li jkun, ikellmek.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks