L-10 t’Ottubru jimmarka l-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. Minkejja li saru avvanzi fejn tidħol is-saħħa mentali, u tgħallimna aktar anke fejn tidħol mentalità, xorta waħda għad hemm ħafna iktar li nistgħu nagħmlu biex nevolvu bħala soċjetà, għaliex sfortunatament sal-lum il-ġurnata għad hemm stigma marbuta ma’ dan is-suġġett.
Kien proprju fl-1992 meta l-Federazzjoni Dinjija tas-Saħħa Mentali, dak iż-żmien immexxija mid-deputat segretarju ġenerali, Richard Hunter, ħolqot il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. L-għan tagħhom kien li permezz ta’ dan il-jum jippromwovu aktar is-saħħa mentali. Kienet sfida ferm diffiċli dak iż-żmien biex tbiddel għadd kbir ta’ drawwiet ħżiena u perikolużi kif ukoll ċerti mentalitajiet li kienu qed jagħmlu sitwazzjoni diffiċli ħafna agħar.
Id-dinja kellha għadd ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li ma kinux qed jiġu ttrattati kif suppost. Kien hemm ġlidiet biex jinkiseb finanzjament pubbliku għal trattament fi Franza, trattament inuman fi New Zealand u nuqqas ta’ għarfien ġenerali fir-rigward ta’ x’inhi eżattament is-saħħa mentali. Kienet prattikament kriżi globali.
Għall-ewwel tliet snin, kien hemm telecast ta’ sagħtejn imxandar madwar id-dinja permezz tas-satellita tal-aġenzija tal-informazzjoni tal-Istati Uniti. L-istudjow kien jinsab f’Tallahassee, Florida u sar mod utli biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lid-dinja. Huma kellhom parteċipazzjoni miċ-Ċina, l-Ingilterra, l-Awstralja u ż-Żambja.
L-ewwel tema tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali kienet “It-Titjib tal-Kwalità tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali madwar id-Dinja” fl-1994. It-temi għal dan il-jum komplew jevolvu maż-żminijiet. In-nisa, it-tfal, is-saħħa, ix-xogħol, it-trawma, is-suwiċidju u ħafna aktar saru parti mill-konversazzjoni.
It-tema ta’ din is-sena hija “Is-Saħħa Mentali f’dinja mhux ugwali“. Din it-tema qed tirrappreżenta l-fatt li filwaqt li l-pandemija affettwat lil kulħadd, persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa fit-tul, jew li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew li jrabbu waħedhom, għandhom sfida iktar diffiċli u allura għandhom bżonn iktar appoġġ.
Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali huwa tfakkira oħra li hu x’inhu dak li għaddej minnu, m’intix waħdek. Ħafna drabi nħossuna waħedna, u hija ta’ għajnuna li nkunu nafu li hawn oħrajn għaddejjin minn sitwazzjoni simili tagħna jew saħansitra għaddew minnha u rnexxielhom jegħlbu din l-isfida.
