Fjuri, niexfa, miblula, imkemmxa, bħal żiffa riħ, itiru, jisparixxu, qishom qatt ma kienu. Jintesew. “Out of now” hija metafora fuq dak li jibqa’ u dak li ma jibqax. Fuq dak li hu permanenti u dak li hu temporanju. Tirrapreżenta l-konfini delikati bejn il-kreazzjoni u l-estinzjoni, bejn dak li hu ta’ din id-dinja u dak li hu mistiku, ir-riflessjoni w it-tmiem. L-Alfa u l-Omega.
Wara li fl-aqwa tal-eżistenza tagħhom għammxu bil-ġmiel lil kull min ħares lejhom, din l-esebizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala kutrumbajsa fir-rwol tal-fjura, rovesciata mentali li turi minn lenti konvessa dak li qabel konna naraw minn lenti konkavi, li b’mod kważi pervers, jirnexxielha tinfatwana bl-estetika pseudo tabù.

Sussegwentament, dawn il-fjuri fix-xifer tal-iskadenza jed jiġu ppreżentati lilna f’dimensjoni retrospettiva futura.
Is-sitwazzjoni Covid lagħbet ma’ moħħ l-artist u dakkret l-immaġinazzjoni tiegħu biex ħoloq dan il-kunċett. Hija ċara l-konnessjoni bejn il-ħajja tal-bniedem u l-konsegwenza tar-restrizzjonijiet ma’ dawn il-fjuri li bil-mewt tagħhom jirreġeneraw lilhom infushom u joħolqu mument ta’ lil hinn minn hawn – Out of Now. Il-kuluri vivaċi u l-isfond ħaj, jbexxqulna l-bieb biex inkunu nistgħu nimirħu f’ambitu ta’ normalità u jibgħatu messaġġ ta’ tama u ta’ bidu ġdid, bħal għasfur tan-nar li jerġa’ jitwieled mill-irmied tiegħu stess.
Din l-esebizzjoni se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn l-14 t’Ottubru u l-14 ta’ Novembru, fil-Kamra ta’ Fuq, Mqabba.
Ħinijiet tal-ftuħ:
Mit-Tnejn sas-Sibt, mis-6 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Il-Ħdud, mis-7 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Se jkun hemm ukoll ħinijiet oħra filgħaxija li se jiġu mħabbra kull ġimgħa fuq il-paġna ta’ Facebook: Il-Kamra ta’ Fuq
