Select Page

Għandek bżonn – għal 4 porzjonijiet):

50g butir

100g zalzett tal-għażla tiegħek, maqtugħ fi slajsis (Jien użajt zalzett Grieg bil-ħxejjex aromatiċi)

Basla kbira, mqatta’ b’mod fin

250g faqqiegħ, imfellel oħxon

400g ross tat-tip arborio

150ml inbid abjad

1.4L stokk tat-tiġieġ, sħun

150g tiġieġ mixwi jew mgħolli, imqatta’

50g ġobon parmesan maħkuk

Madwar 12-il cherry tomato, maqsuma min-nofs

Kuċċarina sweet paprika

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Għat-tiżjin:

Ġobon Parmesan maħkuk

Żewġ imgħaref tursin frisk imqatta’

Żewġ imgħaref cashew nuts imqatta’

Żewġ basal aħdar, imfellel

Metodu:

  • Saħħan il-butir f’taġen kbir u fond.
  • Żid iz-zalzett u aqli għal 5 minuti fuq nar medju.
  • Żid il-basla u kompli aqli għal 10 minuti sakemm il-basla tkun ratba iżda mhux ikkulurita.
  • Żid il-faqqiegħ u kompli sajjar, waqt li tħawwad, għal 5 minuti.
  • Żid it-tadam, l-isweet paprika, il-bżar u l-melħ.
  • Ħawwad għal żewġ minuti u mbagħad żid ir-ross u sajjar fuq nar medju għal 3 minuti.
  • Ferra’ l-inbid u ħallih żewġ minuti fuq in-nar.
  • Ferra’ kwart tal-istokk tat-tiġieġ u kompli sajjar, ħawwad ta’ spiss ħafna.
  • Kif tara li l-likwidu ġie assorbit, erġa’ żid nofs l-istokk sħun li baqagħlek. Normalment se żżid l-istokk tlett darbiet sakemm ir-ross ikun sar, u jista’ jkun li ma jkollokx bżonn l-istokk kollu.
  • Bejn wieħed u ieħor ir-ross se jdum xi 20 minuta biex isir.
  • Dejjem ħawwad spiss u l-konsistenza trid tkun li meta r-ross ikun sar, ikollok taħlita niexfa u kremuża.
  • Kif tara li sar, żid il-biċċiet tat-tiġieg u l-ġobon parmesan. Ħawwad malajr għal żewġ minuti.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar, għattih, u ħallih joqgħod għal 5 minuti.
  • Sadanittant, ħallat it-tursin, il-basal l-aħdar u l-cashew nuts flimkien fi skutella żghira.
  • Eqleb ir-risotto fi platti u żejjen il-wiċċ bit-taħlita tat-tursin.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks