Fost oħrajn, ix-xahar t’Ottubru huwa ddedikat għall-ADHD u allura huwa opportunità oħra biex inqajmu iktar kuxjenza dwar l-ADHD u l-isfidi li ġġib magħha, imma wkoll kif nistgħu nagħmlu ħilitna biex dawn l-isfidi jkunu inqas diffiċli.
Persuna li tgħix bl-ADHD ma tkunx tista’ tiffoka l-attenzjoni tagħha b’mod konċentrat għaliex il-moħħ ikun dejjem għaddej bil-ħsibijiet li ħafna drabi jaqbżu minn suġġett għall-ieħor fi ftit ħin.
Filwaqt li d-distrazzjoni, id-diżorganizzazzjoni u l-impulsività tal-ADHD jistgħu jikkawżaw problemi f’ħafna oqsma tal-ħajja adulta, dawn is-sintomi jistgħu jkunu partikolarment ta’ sfida iktar diffiċli meta wieħed jiġi għall-eqreb relazzjonijiet tiegħu.
Kull relazzjoni jkollha l-isfidi tagħha, iżda meta jkun hemm kundizzjoni ta’ saħħa mentali, l-affarijiet jistgħu jkunu iktar ikkumplikati għaliex b’xi mod jew ieħor is-sintomi jistgħu jaffettwaw ir-relazzjoni.
Jekk il-partner tiegħek jgħix/tgħix bl-ADHD huwa importanti li tkun taf kif tista’ tissapportja lill-partner tiegħek bl-aħjar mod u fl-istess waqt tieħu ħsieb lilek innifsek.
- L-iktar ħaġa importanti hija li tinforma ruħek sew dwar il-kundizzjoni u s-sintomi relatati magħha, kemm billi tagħmel ir-riċerka tiegħek imma wkoll billi titkellem mal-partner tiegħek għaliex għalkemm is-sintomi jkunu ftit jew wisq l-istess, kull persuna hija differenti.
- Importanti li tifhem ukoll r-rwol tal-ADHD fir-relazzjoni tagħkom. It-trasformazzjoni tar-relazzjoni tibda billi tifhem ir-rwol tal-ADHD. Ladarba tkun kapaċi tidentifika kif is-sintomi tal-ADHD qed jinfluwenzaw l-interazzjonijiet tagħkom bħala koppja, tista’ titgħallem modi aħjar kif tirreaġixxi. Dan ifisser li titgħallem kif tirreaġixxi għall-frustrazzjonijiet b’modi li jinkoraġġixxu u jimmotivaw lill-partner tiegħek.
Sintomi ta’ ADHD li jistgħu jikkawżaw problemi f’relazzjoni jinkludu:
- Diffikultà ta’ konċentrazzjoni. Jista’ jkun li waqt xi konverżazzjonijiet, il-partner ma jkunx qed isegwi u jisma’ eżatt x’qed tgħid, u allura jista’ jitlef xi dettalji importanti jew jaqbel ma’ xi ħaġa li iktar tard ma jiftakarx.
- Diffikultà fil-memorja. Anke meta l-partner ikun qed joqgħod attent, jista’ wara jinsa xi jkun ġej diskuss. Dan jista’ wkoll jaffettwa li jiġu minsija okkażjonijiet speċjali u sinifikanti tagħkom bħala koppja.
- Diffikultà fl-organizzazzjoni. Dan jista’ jwassal għal diffikultajiet biex il-partner jagħmel u jlesti qadi jew xi affarijiet ta’ kuljum li jridu jsiru.
- Impulsibità. Din tista’ twassal lill-partner biex jgħid u jagħmel ċerti affarijiet bla ma jaħseb. Tista’ wkoll twassal għal imġiba irresponsabbli u imprudenti.
- Diffikultà ta’ kontroll fuq l-emozzjonijiet. Ħafna nies li jgħixu bl-ADHD għandhom problemi biex jimmoderaw l-emozzjonijiet tagħhom. Jistgħu jitilfu t-tempra faċilment u jkollhom problemi biex jiddiskutu kwistjonijiet bil-kalma.
- Agħraf l-impatt li l-imġiba tiegħek għandha fuq il-partner tiegħek. Ikkunsidra kif it-tgergir u l-kritika tiegħek iġiegħlu lill-partner iħossu. Tinjorax l-ilmenti tal-partner tiegħek għax ma jogħġbokx kif jgħiduhom jew jirreaġixxu għalik.
- Aħdem fuq il-komunikazzjoni ta’ bejnietkom.
- Poġġi lilek innifsek fiż-żarbun tal-partner tiegħek. Pass importanti biex ittejjeb ir-relazzjoni huwa li titgħallem tara l-affarijiet mill-perspettiva tal-partner tiegħek, partikolarment waqt xi argument. L-aħjar mod biex tpoġġi lilek innifsek fiż-żarbun tal-partner huwa li tistaqsi u mbagħad sempliċiment tisma’. Sibu ħin biex tpoġġu bilqiegħda u titkellmu meta tkunu kalmi. Ħalli lill-partner jiddeskrivi kif iħossu mingħajr interruzzjoni minnek biex tispjega jew tiddefendi lilek innifsek. Meta jkun lest, irrepeti lura l-punti ewlenin li tkun smajtu jgħid u staqsi jekk fhimtx sew, imbagħad itolbu jagħmel l-istess għalik.
- Iddistingwi min hu l-partner tiegħek mis-sintomi jew l-imġiba tiegħu. Minflok tikkunsidra lill-partner bħala “irresponsabbli”, agħraf in-nuqqas tiegħu bħala sintomi tal-ADHD. Ftakar, is-sintomi mhumiex karatteristiċi tal-karattru.
- Inkoraġġixxi lill-partner tiegħek meta jagħmel progress u rrikonoxxi l-kisbiet u l-isforzi tiegħu.
- Meta jkun possibbli, ipprova ffoka fuq l-intenzjonijiet tal-partner tiegħek aktar milli dak li fil-fatt jagħmel.
- Ftakar li int il-partner mhux il-ġenitur. Li tagħmilha ta’ ġenitur mal-partner tiegħek tista’ ġġiegħlu tħossu kkontrollat u tista’ toħloq distanza jew riżentiment fir-relazzjoni tagħkom. Tista’ wkoll ddgħajjef l-enerġija tiegħek u tagħmilha tibni konnessjoni mal-partner emozzjonalment u fiżikament.
- Żomm il-paċenzja. L-ADHD hija kundizzjoni ta’ saħħa mentali. Il-partner tiegħek ma jagħżilx li jgħix biha. L-imġiba tiegħu tirrifletti s-sintomi tal-ADHD u mhux l-intenzjoni li jdejqek.
- Inkoraġġixxi biex issibu soluzzjonijiet flimkien aktar milli timponi soluzzjoni int. Jekk xi ħaġa li tkun issuġġerejt int ma taħdimx għalih, irrispetta d-deċiżjoni tiegħu.
- Tgħallem biex tkun iktar faċli għalik li taċċetta u tadatta għal ċerti affarijiet li ma tistax tbiddel. Ma tistax tbiddel jew tikkontrolla lill-partner tiegħek. Li tibni relazzjoni b’saħħitha tfisser li taċċettah kif inhu, bħalma trid li jaċċettak hu. Minflok tiffoka fuq dak li jmur ħażin, agħmel aktar sforz biex tirrikonoxxi l-affarijiet li tivvaluta u tapprezza dwarhom: il-mod kif idaħkek, l-intelliġenza u l-kreattività tiegħu, il-ħolm li għandek miegħu għall-futur.
- Ħu ħsieb relazzjonijiet oħra ma’ persuni li jissapportjawk. Huwa importanti li tagħti prijorità lill-partner tiegħek u l-ħtiġijiet tar-relazzjoni tagħkom, iżda huwa daqstant importanti li jkollok ma’ min tista’ titkellem. Filwaqt li forsi ma tkunx trid taqsam kull dettall dwar Il-partner tiegħek mal-ħbieb u mal-familja, tista’ jgħin ħafna li tkun taf li għandek persuni li jħobbuk qegħdin hemm biex jisimgħuk u jagħtuk sapport.
- Ħeġġeġ lill-partner tiegħek jitkellem ma’ professjonist għaliex dan jista’ jgħinu ħafna biex jitgħallem aktar dwar l-ADHD, jesplora modi kif is-sintomi jaffettwaw il-ħajja u r-relazzjonijiet tiegħu, jitgħallem ħiliet biex jimmaniġġa aħjar is-sintomi, jitgħallem kif jikkomunika aħjar, jindirizza l-ansjetà u kundizzjonijiet oħra relatati u jesplora l-għażliet ta’ trattament. Madanakollu, mhux kulħadd iħossu komdu bl-idea ta’ terapija. Jekk il-partner tiegħek juri li ma jixtieqx jieħu dan il-pass, ma tagħmilx ħsara jekk tistaqsi dwar ir-riżervi tiegħu u tispjega għaliex taħseb li t-terapija tista’ tgħin. Is-sapport tiegħek jista’ jħeġġu jieħu dan il-pass, iżda żomm f’moħħok li fl-aħħar mill-aħħar hija l-għażla tiegħu.
