Select Page

M’ilux wisq, ġrat waħda tinkiteb.

Kienu ilhom iduru xniehat li fid-ditta tal-pizza Comet kienu allegatament qegħdin isiru ħwejjeġ moqżieża u oxxeni. Is-sid, James Alefantis, qal li din “l-storja kkumplikata u bla sens, għal kollox fittizja u bbażata fuq il-gideb, u hi attakk politiku kkoordinat”.

Edgar Maddison Welch stħajjel ruħu xi vigilante tal-films. Mar biex jeħles lit-tfal li “skont ma qalu” kienu skjavi. Għalkemm ma sab xejn minn dan, qabad jispara bl-addoċċ l-ixkubetta AR-15, u għamel straġi.

Fl-aħbarijiet nisimgħu ta’ spiss il-frażi Fake News – u din hekk kienet, aħbar minn dawk li huma suppost ikunu satiriċi, jew idaħħqu, jew meqjusa biex inisslu d-dubju f’moħħ dak li jkun. U kif jiġri meta xi ħadd jigdeb, ikun hemm xi mazzun li jibla’ l-lixka.

Welch kien kkundannat għal erba’ snin ħabs; imma l-ħsara li għamel ma titqiesx biż-żmien jew bil-flus.

Ix-xnigħat bla bażi, l-ispekulazzjonijiet u l-qed taparsi umoriżmu vojt u fjakk, m’humiex ċajta. Dan Welch inzerta ffissa fuq din l-istorja, u dam tlett ijiem jaqra dwarha u jara l-vidjows. Fil-qorti, saħaq li kien “tassew iddispjaċut li pperikola s-sigurtà ta’ dawk kollha li kienu preżenti hemm, dakinhar, imma kellu “l-intenzjoni li jgħin lin-nies.”

Kemm, kuljum, jitwelldu stejjer foloz li jnisslu fina suspetti dwar dak u dik, fuq din il-ħaġa, u l-okkażjoni l-oħra? Ikun hemm xi ħadd li jirrepeti waħda minnhom, u biex isostni li qed jgħid il-verita, jikkwota xi sors li ‘jaf eżatt’ xi jkun ġara; il-gazzetta, xi ħadd jaħdem fejn suppost sar il-fatt, xi ħadd jiġi minn min hu involut…

U xi ħadd jirrepeti li jkun sema’. Spekulazzjoni issir fatt. Suspett isir verità. Gidba issir valida. Meta tingħad nofs verità, ibbażata fuq il-fatti iżda mżejna bil-gideb, dak li jkun ma jiflihiex sewwa, għax storja mħawwra tkun iżjed interessanti minn waħda sempliċi.

Għandna bżonn li niżviluppaw il-ħiliet tagħna biex nindunaw meta xi ħadd ikun irid ibellagħlna r-ross bil-labra.

Huwa importanti li tevalwa u tistaqsi:

  • Dik l-istorja ma ssibha mkien iżjed?
  • Hemm dettalji żejda, jew bla sens?
  • Hemm xi kliem, ikkowotati barra mill-kuntest, biex ituk x’tifhem li “tassew” hi verita, l-aħbar?
  • Jekk tgħid “U le!” mela, x’aktarx li hemm xi esaġerazzjonijiet.
  • Jekk xi ħaġa ma ddoqlikx, fittixha f’sorsi li tafdahom.
  • Jissemmew għadd ta’ “sorsi ta’ min jorbot fuqhom” iżda ebda’ wieħed minnhom mhu speċifikat?
  • Min kiteb l-istorja, qisu jaf il-ħsibijiet tal-protagonisti?
  • Min qed jirrakonta, għandu xi interessi personali, anti-klerikali, politiċi, jew finanzjarji?
  • Qed jisħon, u jitpastaż, biex jagħti iżjed forza lil kliemu?
  • L-istorja hija “ffirmata”?

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks