Julie Pomorski tirritorna fix-xena mużikali bħala kantawtriċi b’kanzunetta oriġinali!
Imwielda fit-13 ta’ Novembru tal-1987, Julie Pomorski żgur li m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni fix-xena tal-ispettaklu, wara li għexet il-maġġor parti ta’ ħajjitha fuq il-palk, fi studjow tat-televixin jew inkella fi studjow tal-kant. Illum il-ġurnata, hija wkoll għalliema tal-vuċi fi ħdan VocalBooth Studios, fejn ir-rwol tagħha huwa li tipprepara lill-kantanti t’għada.
Dawn l-aħħar snin Julie tgħid li ilha ttella’ u tniżżel il-possibilità li tippubblika xi materjal oriġinali u proprju issa fl-2021, ddeċidiet li issa ċ-ċans. Ar’Int! fuq kliem u mużika tal-istess Julie Pomorski, b’xi ftit għajnuna minn Conrad Dimech ta’ Blacklight Studios hija biss il-bidu, togħma żgħira ta’ dak li għad irridu nisimgħu mingħandha.

Julie tgħid li l-kanzunetta Ar’Int! mhi miktuba għal ħadd partikolari, iżda ħasset li kellha toħloq persuna li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, persuna li tgħaddi minn episodju fejn tingidem minn xi ħadd li tkun mingħaliha bniet relazzjoni intima.
Il-kantawtriċi żiedet tgħid li l-kanzunetta ilha miktuba madwar 3 snin iżda tħoss li l-messaġġ jibqa’ kurrenti, jgħaddu kemm jgħaddu s-snin.
Ar’Int!, l-ewwel kanzunetta oriġinali mill-vuċi ta’ Julie Pomorski minn Ħolqa, li biha hija ħadet sehem fil-festival L-Għanja tal-Poplu 2017, hija akkumpanjata minn filmat mużikali ffilmjat minn Three Wise Men. Dan il-filmat jagħti ħafna kulur lill-kanzunetta, u mhux biss għax hemm fjuri ta’ kull kulur, iżda għax jirnexxielu jagħti dimensjoni oħra.
Mil-lum 16 t’Ottubru, Ar’Int! hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.
