Select Page

Meta raha l-ewwel darba, l-ajru kien magħluq u għalkemm kienu għadhom il-ħamsa ta’ waranofsinhar, kien dalam sew.
Kien sema’ taħbita mal-bieb. Kontra qalbu, mar jiftaħ.
“Jiena jisimni Demetria,” qaltlu.
Tumas ħares lejha minn fuq s’isfel. Kellha għajnejha kbar, sbieħ u żoroq. Xagħarha kien lixx u ħamrani. Ħass qalbu tingħafas. Kienet tfakkru f’Henna. Kull tfajla kienet tfakkru f’Henna.
“Tista’ tgħidli min inti u x’ġejt tagħmel hawn?” staqsiha kważi jirrabja, jipprova jkun jidher antipatiku u żorr ħalli din it-tfajla tfittex titlaq malajr kemm jista’ jkun.
“Jimporta noqgħod nistkenn ftit għandek, jekk jogħġbok? Ix-xita qawwija u m’għandix umbrella!” qaltlu.
Kien se jgħidilha le. Le, le u le.
Taf kemm kien ilu ma jara nies?
Kien ilu ħafna ma jkellem nies. Biex ikun eżatt, xi erbgħin sena. Ma kienx joħroġ, kien jiekol dak kollu li kien jaħsad hu stess fl-għelieqi tiegħu u kuntatt ma’ ħadd ma ried jagħmel.
Wara dakinhar.
Wara dik il-ġurnata li kienet mietet Henna.
Xħin jiftakar biss…….eżatt malli jiftakar, seta’ jerġa’ jismagħha tibki, jara l-espressjoni tagħha, jisma’ t-twerżiq, iħoss il-ħruq, ixomm ir-riħa tal-injam u l-għamar tinħaraq, jara lil ommu u lil missieru jgħajtu u jippanikjaw.
Wara dak il-lejl li kienet mietet oħtu fit-traġedja tal-ħruq fil-kmajra li kellhom wara d-dar, kien spiċċa waħdu. Jgħix waħdu f’din id-dar. Ommu u missieru kienu telqu, ma rahomx aktar u oħtu……oħtu kienet mietet.
Fil-fatt, kienet indifnet fit-tarf tal-għelieqi li jagħmlu parti mill-art tagħhom stess. L-unika post li qatt ma kien mar. Ma riedx jara l-qabar tagħha hemm isfel, taħt il-ħajt tas-sejjiegħ. Biżżejjed kien ikollu joqgħod jarah bil-lejl, fl-iljieli tal-qamar, il-profil tal-kurċifiss jidher ġgantesk iżjed fl-immaġini ta’ moħħu.
“Ħeqq, xi tridni nagħmel bik? Idħol u stkenn hawn.” Kien kważi se jibda jgerger, imma mbagħad ħass li jdaħħalha hawn ġew, kien ikun qed jagħmel ġest nobbli.
Kellha rasha mxarrba qisha fellus, il-ħwejjeġ għasra u s-sandli li kienet liebsa ovvjament ma kienx galbu għal dan it-temp.
“Minn fejn inti?” staqsiha.
“Noqgħod ftit ‘il bogħod,” qaltlu. “Imma għandi nofsiegħa biex nasal id-dar.”
“U żgur! Hawn ma joqogħdux nies! Hawn ‘il bogħod għal kullimkien!” qalilha.
Imxew lejn il-kċina u ndunat li dan kien ġuvni waħdu. Għalkemm kien jidher żgarbat, kien jidher gustuż u mill-ewwel ħadet grazzja miegħu.
“Kemm għandek żmien?” staqsietu.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks