Waqt id-diskors tiegħu fit-tmiem tal-kungress ta’ tlett ijiem tal-Partit Soċjalista tiegħu f’Valenzja, il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sanchez wiegħed li jipprojbixxi l-prostituzzjoni għaliex din il-prattika tagħmel lin-nisa “skjavi”.

Din l-industrija żdiedet minn meta ġie dekriminalizzata fl-1995 u riċerki juru li madwar 300,000 mara jaħdmu fl-industrija tas-sess fi Spanja.

Fl-2016 in-Nazzjonijiet Uniti stmat li l-industrija tas-sess Spanjola kienet tiswa madwar €3.7 biljun.

Stħarriġ fl-2009 sab li wieħed minn kull tliet irġiel kien ħallas għas-sess, iżda rapport ieħor fl-istess sena kien juri li ċ-ċifra kienet kważi 40%.

L-industrija mhix regolata fi Spanja u m’hemm l-ebda piena fis-seħħ għal dawk li jħallsu għal servizz sesswali sakemm ma jseħħx fi spazju pubbliku.

Fil-manifest elettorali tiegħu fl-2019, Sanchez wiegħed li jipprojbixxi l-prostituzzjoni, li kienet tidher bħala mossa biex tattira votanti nisa..

Hu kien irreferi għall-prostituzzjoni bħala wieħed mill-iktar aspetti krudili tal-femminizzazzjoni tal-faqar u waħda mill-agħar forom ta’ vjolenza fuq in-nisa.

Madanakollu, sentejn wara, l-ebda leġiżlazzjoni jew abbozz ma tressqu.

L-opinjoni pubblika dwar il-projbizzjoni hija maqsuma u f’Novembru tal-2018 kien hemm protesta mal-pajjiż kollu fil-jum internazzjonali tan-NU għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa.

Diversi dimostranti bdew jitolbu għall-projbizzjoni tal-prostituzzjoni b’ħafna minnhom kontra l-fatt li l-gvern ippermetta li tifforma trejdjunjin tal-ħaddiema tas-sess.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks