Is-sensiela Law & Order: SVU tinsab fit-23 staġun tiegħu, hija waħda mill-iktar sensiliet televiżivi li ilhom għaddejjin u li dejjem jibqgħu tant segwiti.

F’kull episodju ta’ Law & Order: SVU, naraw lill-Captain Olivia Benson, karattru interpretat mill-attriċi Mariska Hargitay, li flimkien mal-iskwadra tagħha jagħmlu ħilithom biex isolvu każijiet differenti ta’ stupru u kull tip ta’ abbuż sesswali.

Proprju llum jixxandar il-500 episodju ta’ din is-sensiela, u fl-episodju ta’ dan l-anniversarju se jirritorna d-ditektiv Nick Amaro!

Nick Amaro, karattru interpretat mill-attur Danny Pino, se jkun qed jaħdem mal-iskwadra preċedenti tiegħu iżda b’mod differenti. Fis-snin minn meta d-ditektiv Nick Amaro telaq mill-iskwadra fl-aħħar tas-16-il staġun ta’ Law & Order: SVU, huwa mar joqgħod Kalifornja u għamel xi tibdil f’ħajtu. Huwa għandu xogħol ġdid fil-ġenetika li jwassal biex jitlob lil SVU għall-għajnuna biex inaddaf isem raġel ikkundannat u jġib lil xi ħadd mill-passat ta’ Benson lura f’ħajjitha.

Mingħajr ma nidħlu f’aktar dettalji dwar l-episodju, li hu żgur hu li se naraw xena mimlija tensjoni bejn Amaro u Benson, li għal xi snin kienu partners fl-SVU.

Fl-aħħar tat-22 staġun għamel ukoll ir-ritorn tiegħu fuq Law & Order: SVU, id-ditektiv Elliot Stabler, karattru interpretat mill-attur Christopher Meloni, li mhux biss kien il-partner ta’ Olivia Benson mill-ewwel staġun tas-serje għal diversi snin, imma dejjem spikkat ir-relazzjoni speċjali li hemm bejnu u bejn Benson.

Id-ditektiv Elliot Stabler, illum jagħmel parti minn skwadra oħra fejn ta’ spiss narawhom isolvu każijiet flimkien mal-SVU. Din l-iskwadra hija s-serje televiżiva li bdiet f’April li għadda bl-isem ta’ Law & Order: Organized Crime, u li waslet fit-tieni staġun tagħha.

Ħafna segwaċi, qiegħdin jittamaw li issa li dawn it-tnejn reġgħu daħlu fil-ħajja ta’ xulxin wara tant snin jaslu biex jieħdu pass ieħor ‘il quddiem li tant ilhom jistennew!

Madanakollu, dan jista’ jkun possibbli fil-ħajja kumplikata ta’ Benson u Stabler?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks