Select Page

Aġenzija Sapport tmexxi ċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti (STILC) f’Ħal Far.

L-għan prinċipali ta’ dan iċ-ċentru hu li joffri diversi servizzi mmirati sabiex iżidu l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità u għalhekk l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.

STILC jipprovdi servizz ta’ informazzjoni, gwida u assessjar minn tim ta’ professjonisti li jinkludu Occupational Therapists u Fiżjoterapisti fost oħrajn. Dawn jassessjaw u jiggwidaw lil persuni b’diżabilità u lill-familjari tagħhom sabiex jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità permezz ta’ teknoloġija assistiva li tgħin fil-mobilità, apparat assistiv u/jew taħriġ.

Is-servizz jinkludi assessjar għal:

  • Siġġu tar-roti skont il-bżonnijiet tal-persuna.
  • Seating assessment.
  • Assessjar ta’ sewqan permezz ta’ Driver Test Station, apparat li jevalwa l-abilità fiżika ta’ persuna biex issuq vettura.
  • Rakkomandazzjonijiet għal modifikazzjonijiet fil-vetturi ta’ persuni li jkollhom bżonn jadattaw il-vetturi tagħhom skont id-diżabilità li jkollhom.

Il-persuni b’diżabilità jistgħu jibbenefikaw ukoll minn lezzjonijiet tas-sewqan bl-użu ta’ karozza modifikata. Persuna tista’ titlob dan is-servizz jew tiġi referuta mit-tabib, Occupational Therapist jew Fiżjoterapista. Wieħed jista’ wkoll jirreferi lilu nnfisu għal dawn is-servizzi, jiġifieri jagħmel kuntatt dirett hu mal-Aġenzija.

L-assessjar għal siġġu tar-roti jsir minn tim ta’ terapisti li huma speċjalizzati f’dan is-settur, inkluż esperti barranin biex b’hekk persuni b’diżabilità jkollhom iċ-ċans li jiltaqgħu magħhom f’Malta minflok isiefru għal dan l-assessjar, jekk jiddeċiedu li jużaw dan is-servizz.

Fiċ-ċentru STILC hemm ukoll għażla ta’ siġġijiet tar-roti sabiex wieħed ikun jista’ jipprova mudelli differenti u jara l-bżonn partikolari tiegħu qabel ma jordna.

Seating assessments isiru wkoll billi l-professjonisti jużaw riżorsi speċjalizzati u tagħmir ieħor fosthom għażla ta’ mħaded speċjalizzati li wieħed jista’ jipprova skont il-bżonn. Is-servizz dejjem huwa wieħed personalizzat u għalhekk isir assessjar mit-terapisti sabiex dak li jiġi rakkomandat ikun dak li l-klijent jixtieq u li għandu verament bżonn.

Dawn is-servizzi jistgħu jintużaw minn tfal u adulti b’diżabilità kif ukoll minn dawk li żviluppaw diżabilità minħabba inċident jew mard kroniku u għalhekk ma jkollhomx diżabilità sa mit-twelid.

Sabiex iżżid l-aċċessibilità u jkun aktar possibbli li persuna b’diżabilità tkun tista’ tixtri dawn ir-riżorsi, Aġenzija Sapport tikkumplimenta dan is-servizz permezz ta’ diversi skemi li joffru sussidju u għajnuna finanzjarja. Persuni b’diżabilità u/jew familjari tagħhom ikunu referuti lejn l-Empowerment Scheme li tmexxi l-istess Aġenzija, għal sussidju fuq xiri ta’ apparat assistiv. Dawk li jkollhom vettura modifikata, jistgħu japplikaw ukoll għal sussidju jew eżenzjoni mil-liċenzja tat-triq u mit-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura. Il-professjonisti fi ħdan STILC ikunu jistgħu jiggwidaw lill-klijenti fuq kif wieħed jista’ japplika u jaċċessa dawn is-sussidji.

Għal aktar informazzjoni jew kopja tal-applikazzjoni għal dan is-servizz, wieħed hu mitlub iċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija Freephone 153 (u jagħfas in-numru 5), iżur is-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew iċempel fuq 22568000 (Malta) jew 2156 9909 (Għawdex)

.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks