Fl-aħħar 4 snin, il-kantant u produttur lokali Matthew James stabilixxa l-karriera tiegħu bħala solista permezz ta’ sensiela ta’ suċċessi li f’uħud minnhom ikklassifika fil-quċċata tal-klassifiki mużikali, u proġetti artistiċi varji.
Il-passjoni tiegħu biex jevolvi u jiskopri ħsejjes ġodda permezz ta’ ħidma ma’ artisti minn ġeneri differenti wassal għal kollaborazzjonijiet ma’ Ira Losco, Ray Mercieca, Toby u ħafna oħrajn.
Il-ħbiberija li Matthew James għandu ma’ Kersten Graham u anki l-fatt li togħġobhom l-istess tip ta’ mużika filwaqt li japprezzaw l-istili ta’ xulxin, wassalhom biex jikkollaboraw flimkien għal din il-kanzunetta.
Matthew qal li meta kien qed jikteb Moonlight River beda jaħseb biex jinkludi ħoss tal-kitarra, u Kersten Graham kien il-bniedem ideali għal dak li xtaq.

“Moonlight River hija d-dawl fid-dlam ta’ madwarna. Jien inħossni mbierek li nesperjenza imħabba pura kuljum għaliex imdawwar b’nies li jħobbuni u jirrispettawni. Madanakollu, sfortunatament konxju li l-imħabba li nesperjenza jien hija rari.” jgħid Matthew James.
Huwa żied jgħid li bl-inġustizzji, in-nuqqas ta’ intelliġenza emozzjonali u empatija, id-dinja tkun litteralment infern li kieku ma kienx għal nies tajbin u ġentili bil-morali u l-valuri t-tajba.
Il-messaġġ ta’ Moonlight River huwa proprju biex iddawwar lilek innifsek b’dawn it-tip ta’ nies u ssib id-dawl fid-dlam ta’ madwarek.
Għal Kersten, li jaħdem ma’ Matthew James kienet ħolma li saret realtà.
Moonlight River, kollaborazzjoni bejn żewġt iħbieb li jittrażmettu d-dawl permezz tal-mużika!
