Nitkellmu ma’ Fr Aaron Zahra

Fr Aaron, għidilna ftit dwarek..

Mela, jien għandi 33 sena. Illum nokkupa l-kariga ta’ Pirjol, tal-komunità tal-patrijiet Dumnikani tal-Birgu kif ukoll Rettur tal-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir. Huma żewġ responsabilitajiet li lili jagħtuni sodisfazzjon kbir fil-ħajja tiegħi, ovvjament problemi u sfidi dejjem ikun hemm imma naħseb dawk huma parti mix-xogħol u r-responsabilità u għal grazzja t’Alla meta ssib il-koperazzjoni ta’ ħafna nies li huma involuti f’dawn iż-żewġ entitajiet naħseb wieħed ikun kapaċi jimxi ‘l quddiem.

Jien bniedem enerġetiku ħafna u m’għandix kwiet, ma nafx ngħid le, kultant indaħħal ħafna affarijiet f’ħajti, il-ġurnata tkun ippakkjata, imma tagħtini sodisfazzjoni wkoll għax ma nafx noqgħod bi kwieti, ma nafx noqgħod b’idejja fuq żaqqi. Jiena persuna li nħoss ħafna għall-batut, għall-fqir u nixtieq nagħmel ħafna aktar, inħoss li hemmhekk għandi ħafna aktar x’nagħti. Hija area għal qalbi ħafna. Jien nagħmel ukoll xogħol ma’ nies li qiegħdin il-ħabs, kultant niġi mitlub biex nagħti s-servizz pastorali tiegħi hemmhekk. Jien fil-fatt, l-ewwel quddiesa tiegħi iċċelebrajtha fil-kappella tal-faċilità ta’ Kordin, u dik hija esperjenza li nibqa’ ngħożż tul ħajti kollha.

Int il-Pirjol tal-kunvent tad-Dumnikani, tal-Birgu. Għidilna ftit dwar il-komunità tad-Dumnikani, xi jsir eżatt f’din il-komunità u x’inhuma r-responsabilitajiet tiegħek bħala Pirjol?

Il-komunità Dumnikani tal-Birgu mhijiex komunità kbira, pjuttost komunità żgħira, imma naħseb li qed tagħmel xogħol kbir fil-Birgu u fil-Kottonera. Jien dejjem ngħid li l-Birgu, li kieku ma kellux il-preżenza tad-Dumnikani mhuwiex il-Birgu li hu llum. Id-Dumnikani li kien hemm il-Birgu dejjem taw servizz kbir lin-nies tal-Birgu u tal-Kottonera, biżżejjed naraw l-istorja ta’ meta wara l-gwerra d-Dumnikani għexu f’qagħda miżera kbira fil-Palazz tal-Inkwiżitur biex imbagħad minn hemm bdew jagħtu l-edukazzjoni lit-tfal wara l-gwerra.

Ovvjament il-ħidma tad-Dumnikani fil-Birgu llum hija taħt dimensjoni oħra speċjalment f’dak li huwa pastorali, f’dak li huwa edukazzjoni Kateketika, informazzjoni reliġjuża, il-predikazzjoni nagħtuha importanza, kif ukoll l-impenn biex ikollna liturġija sabiħa. Il-komunità tiltaqa’ biex titlob u anke tiltaqa’ fil-knisja biex in-nies jarawna nitolbu, dik hi xi ħaġa li ħdimna ħafna fuqha. Bħala komunità ħdimna wkoll biex inkunu preżenti fuq il-mezzi soċjali, investejna ħafna u dan ħalla frott importanti ħafna.

Bħala pirjol jien ir-responsabilità tiegħi hija li flimkien mal-komunità mmexxi dan kollu. Minkejja li jien is-superjur però jien qiegħed hemmhekk biex inservi jiġifieri tilbes il-fardal u sservi lill-aħwa fil-komunità u lid-Dumnikani tal-Birgu, jiġifieri hawnhekk mhux biss il-pirjol tal-komunità tal-patrijiet imma ta’ dawk ukoll li jiffrekwentaw il-knisja tagħna u l-entitajiet Dumnikani li nsibu ġewwa l-Birgu.

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? U liema memorji huma l-aktar għal qalbek?

It-tfulija tiegħi nista’ ngħid li kienet sabiħa ħafna, it-trobbija flimkien mal-familja tiegħi, ommi, missieri u oħti. Dejjem kienet tfulija marbuta wkoll mal-knisja. F’Marsaxlokk kont abbati, u s-sens tal-knisja u tal-komunità dejjem kien għal qalbi u naħseb kien ukoll wieħed minn dawk il-fatturi li mbuttawni biex ‘il quddiem insir saċerdot Dumnikan.

Memorja għal qalbi, naħseb it-tfulija tiegħi flimkien m’oħti. Dejjem kellna relazzjoni tajba jien u oħti, rari konna niġġieldu u dejjem konna mmorru tajjeb flimkien u naħseb dik hi xi ħaġa li nibqa’ ngħożżha sal-ġurnata tal-lum.

Iż-żogħżija kienet tirrifletti dak li eventwalment sirt illum?

Iż-żgħożija tiegħi kienet naqra mħarbta. Għamilt erba’ snin f’relazzjoni u naħseb li dawk l-erba’ snin għallmuni ħafna. Veru li ovvjament Alla kellu toroq differenti għalija fil-fatt meta ma bqajtx fir-relazzjoni mal-għarusa li kelli, kien żmien ukoll fejn inħoss, li kien żmien ta’ taqlib. Bdejt noħroġ aktar, immur Paceville, f’diskoteki oħrajn popolari ta’ dak iż-żmien, fil-fatt il-papà tiegħi meta għidtlu li dieħel patri qalli mela l-patrijiet jidħlu minn Paceville fl-4 u fil-5 ta’ filgħodu?

Imma naħseb kienet esperjenza li biha llum, anke fil-ħidma tiegħi maż-żgħażagħ, nista’ nifimhom aktar għax iż-żgħożija tiegħi għextha fit-totalità tagħha u dik tagħtik esperjenza kbira anke għall-ħidma pastorali tal-lum, ma tkunx maqtugħ mir-realtà, għalkemm ir-realtà inbidlet u qed tinbidel ħafna b’rata mgħaġla. Kienet żgħożija li jien inħossha li kienet ta’ preparazzjoni kbira għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali fl-ordni Dumnikan.

Kif nibtet il-vokazzjoni tiegħek?

Il-vokazzjoni tiegħi hija misteru, kull vokazzjoni hija misteru. Kif nibtet, bħal m’għidt, kien hemm taqlib kbir fil-ħajja tiegħi f’dak iż-żmien, qisu għamilt sentejn wara li ħassart mir-relazzjoni, imma mbagħad qisni f’mument partikolari niftakar kont mort pellegrinaġġ ġewwa Pompei inżur is-santwarju tal-Madonna ta’ Pompei u qabel ma tlaqt bdejt nitlob u qisu xi ħadd qalli imma x’inhu l-iskop ta’ ħajtek li qed tgħix illum?

Ovvjament kelli xogħol tajjeb, kelli paga tajba, kelli kull ma ridt, kelli l-karozza, kont insiefer, kelli fejn noqgħod, jiġifieri kelli kollox, imma xorta kien hemm xi ħaġa vojta fija, qisu dak il-vojt f’qalbi baqa’ jqanqal ħafna mistoqsijiet sakemm eventwalment imbagħad bdejt id-dixxerniment tal-vokazzjoni tal-ħajja reliġjuża u saċerdotali fl-ordni Dumnikan, biex inħaddem il-kariżma ta’ San Duminku, li hija l-predikazzjoni, li nkun predikatur u xandar tal-kelma t’Alla.

Ma kienx żmien faċli għax li tħalli kollox warajk mhijiex daqshekk faċli imma llum, I have no regrets. Illum lanqas nimmaġinani m’iniex Dumnikan, ma nimmaġinax li nerġa’ mmur lura għall-ħajja ta’ qabel, lanqas biss tgħaddili minn rasi. Tant kemm jien kuntent li jien Dumnikan u predikatur tal-kelma t’Alla li ovvjament bħal m’għidt, ikun hemm l-isfidi, il-problemi li tiffaċċja, imma l-fatt jibqa’, li ma nimmaġinanix ngħix barra mill-komunità tal-patrijiet Dumnikani.

X’tiftakar mill-mument li qsamt is-sejħa għall-vokazzjoni tiegħek mal-familja tiegħek?

Għall-familja tiegħi kien xokk, għax il-fatt li kif għidt, jien kelli xogħol stabbli, kelli l-paga… infatti niftakar ommi qaltli imma ċert minn dan il-pass li trid tagħmel? Kienet ferħana ħafna bih, imma qisha riedet taċċerta ruħha li ħsibt, iddixxernejt, fuq dan il-pass li kont se nagħmel, imma mill-familja kien hemm support kbir u allaħares ma kienux il-membri tal-familja li taw is-sapport tagħhom għax kieku ma kontx nasal fejn wasalt illum.

Ġieli jiġuk xi dubji dwar it-twemmin li tħaddan?

Iva, mhux essaġġ dubji ta, għaliex jien konvint mill-fidi tiegħi f’Alla, konvint mill-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu, li huwa s-salvatur, li huwa t-triq tal-verità u l-ħajja imma jkun hemm mumenti iva li nistaqsi ċerti mistoqsijiet u allaħares le għax inkella tkun fidi frivola, tkun fidi vojta.

Il-bniedem irid jistaqsi, min hu Alla? Għalfejn Alla sar bniedem bħalna? Għalfejn Alla ssallab fuq is-salib u qam mill-mewt? Mela ma nistaqsix, u allaħares bħala Dumnikan ma nistaqsix fuq il-fidi u ma nkomplix inrawwem lili nnifsi fuq il-fidi u naġġorna ruħi fuq il-fidi.

Ovvjament aħna qatt ma nistgħu nilħqu l-fullfilment li nafu lil Alla b’mod sħiħ. Narah b’mod sħiħ meta jien niltaqa’ wiċċ imb’wiċċ wara din il-ħajja. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn dubji u mistoqsijiet dwar il-fidi. Ovvjament il-knisja m’għandhiex it-twieġibiet għal kollox u dejjem tgħidha, anke l-katekiżmu jgħidulna dan, imma m’għandix dubju li hemm Alla, m’għandix dubju li Alla jħobbni, m’għandix dubju li Alla juri ħniena mal-midneb, l-ewwel wieħed miegħi. Minkejja li jiena saċerdot reliġjuż, għandi d-dnubiet tiegħi u nemmen ukoll li Alla huwa ħanin, Alla li jahder, Alla li jifhmek u jaħfer id-dnubiet imma mbagħad irrid nagħmel l-almu tiegħi li nipprova ngħix ħajja tajba, li tirrifletti l-kelma t’Alla u t-tagħlim tal-knisja.

Int personali, xi ssib l-aktar diffiċli li tipprattika minn dak kollu li tippriedka?

Ovvjament qaddis m’iniex u min hu qaddis? Anke l-qaddisin kellhom id-diffikultajiet tagħhom. Ikun hemm mumenti li taqbiżli u nixtieq li kieku ma taqbiżlix jew ma nirrabjax u nipprova naħdem fuqha. Naħseb dik l-aktar ħaġa li tkiddni għax kultant ikollok ħafna stress u kultant teħel il-persuna l-ħażina mal-istress li jkolli jiġifieri dik ħaġa li vera nipprova naħdem fuqha, li ma nistressjax ruħi żżejjed u nżomm kalm u li nirrispetta lil kulħadd imma mhux dejjem faċli.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa?

Kelli ħafna mumenti sbieħ f’ħajti u naħseb l-iktar mument sabiħ huwa l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, meta tirċievi dik il-grazzja tal-ordinazzjoni, il-Professjoni Solenni meta ngħatajt kollni kemm jien għall-ordni sal-mewt, meta tagħmel il-voti tal-kastità, il-faqar u l-obbiddjenza fl-ordni sal-mewt. Dawk huma mumenti sbieħ. Anke l-mumenti bħala pirjol u bħala rettur tal-kulleġġ, ikun hemm mumenti sbieħ ħafna. Pereżempju ftit ġimgħat ilu, fil-komunità tal-Birgu kellna r-Relikwija tal-Kranju ta’ San Duminku u ċ-ċentinarju ta’ tmien mitt sena ta’ San Duminku, naħseb huwa mument li nibqa’ ngħożżu tul ħajti kollha. Kienet ħolma kbira tiegħi u tal-komunità u wettaqniha.

Wieħed mill-agħar mumenti tal-ħajja tiegħi kien il-mewt ta’ missieri, u anke jkun hemm mumenti oħrajn fejn trid tagħmel funerali ta’ nies li għadhom żgħar u trid tiffaċċja l-familji tagħhom, dawn inqishom ukoll bħala l-agħar mument ta ħajti. Il-ħajja fiha l-ups and downs tagħha u trid tgħożż kull mument u tgħixu fil-fidi tiegħek fi Kristu.

Irrakkuntalna mument ħelu li żgur ma tinsa qatt..

Meta darba kien hemm saċerdot staqsieni fuq funeral ta’ persuna u kien qalli “taf xi ħaġa fuqha din qabel ma noħroġ nagħmel il-priedka?”. Għidtlu “mingħalija kienet miżżewġa u kellha t-tfal u kif konna ħerġin għall-quddiesa għidtlu “oww ieqaf hemm! toqgħodx fuqi għax nista’ nkun żbaljat”, u mnalla għax kienet xebba! Immaġina fil-funeral kien qed jippriedka u jgħid li din kienet miżżewġa u kellha t-tfal!!

Ikun hemm mumenti oħrajn ħelwin, anke mat-tfal l-iskola, u tara l-innoċenza tat-tfal. Dik tgħożżha wkoll, pereżempju n-neputi, peress li t-tunika tagħna hija bajda, meta jara l-Papa fuq it-televiżjoni jgħidilhom “uncle Aaron” u ovvjament kulħadd jidħak għax ovvjament qatt ma nimmaġina lili nnifsi li nkun Papa imma peress li jarana t-tnejn libsin l-abjad dejjem ifakkru fiz-ziju. Dawn huma mument tal-ħajja li joħolqu tbissima fuq kulħadd.

Ikun hemm drabi li l-ħsibijiet u l-opinjoniji tiegħek dwar ċerti kwistjonijiet ikunu differenti mill-pożizzjoni li tieħu l-Knisja? Jekk u meta dan ikun il-każ, kif tirreaġixxi?

Mhux daqshekk ta, l-opinjonijiet tiegħi u l-ħsibijiet tiegħi ovvjament iridu jkunu in line ma’ dak li tgħid il-Knisja, waħda mill-wegħdiet fl-ordinazzjoni tad-djakonat saċerdotali, hija dik li jien nipprattika u nippriedka dak li temmen il-Knisja mhux li ngħid jien. Issa jkun hemm forsi kwistjonijiet, mhux tad-dutrina tal-knisja jiġifieri mhux fuq l-affarijiet morali jew it-tagħlim tal-knisja, forsi fuq l-attitudni tal-knisja fuq ċerti affarijiet, iva ġieli jkun hemm opinjoni personali tiegħi li ma taqbilx ma’ dak li tkun qed tagħmel il-knisja f’Malta.

Ovvjament ikun hemm ċerti kummenti minn saċerdoti, minn dawk li qed imexxu l-knisja, li forsi ngħid kieku kont jien f’dik il-pożizzjoni ma kontx nagħmilha dik il-ħaġa jew ma kontx ngħidha. Iva jkun hemm mumenti bħal dawn imma ovvjament wieħed irid jifhem li r-ragħajja tal-knisja huma dawk li qed imexxu l-knisja bħalissa, però m’għandi l-ebda opinjoni jew pożizzjoni differenti fuq it-tagħlim tad-duttrina tal-knisja.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek fil-vjaġġ tiegħek bħala saċerdot?

L-akbar sodisfazzjon tiegħi bħala saċerdot hija meta xi ħadd jiġi mtaqqal bi problemi kbar, anke dan l-aħħar tiltaqa’ ma’ nies ukoll li jkunu xebgħu b’ħajjithom, u li hemmhekk inti tipprova turihom is-sabiħ tal-ħajja u li l-ħajja hija don mingħand Alla u li jitilqu u jgħidulek “father imnalla ġejt, imnalla ġejt nitkellem miegħek għax biddiltli r-rotta tal-ħajja tiegħi” jew inkella “father kemm qed inħossni aħjar li tkellimt miegħek, m’għadnix inħossni mtaqqal”, dak iva ta’ sodisfazzjon kbir u nirrigrazzja ‘l Alla li jien strument f’idejh permezz tas-saċerdozju.

Għidilna xi kurżitajiet partikolari dwarek li ftit nies jafu..

Jien bniedem li jiġu mumenti li jgħiduli int miġnun pereżempju, għax jien bniedem enerġetiku ħafna, bniedem li nissoċjalizza. Nipprova ngħix il-ħajja maż-żgħażagħ bħall-oħrajn, jiġifieri ġieli mmur pereżempju jgħiduli biex immur nieħu drink u ġieli mmur, għala le?

Din is-sena ħadt il-Man of the Year ta’ Franks li kienet sorpriża kbira.

Kurżità oħra hi li jiena wara nofsinhar tmissulix għax is-siesta jiena nagħtiha aktar prijorità mill-irqad ta’ bil-lejl, ħalli ndum għaddej sas-siegħa jew is-sagħtejn ta’ filgħodu naħdem però s-siesta ta’ wara nofsinhar tmissilix u meta jkolli xi laqgħat u xi impenn waranofsinhar, iva nkun qed nagħmel sforz kbir ħafna ħafna.

X’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja ta’ skoperta.net?

Agħraf li l-ħajja hija sabiħa, il-ħajja hija rigal minn Alla. Vera li kultant ngħaddu minn mumenti iebsa, mumenti ta’ inċertezza, mumenti tqal fil-ħajja tagħna u jkun hemm min ibati ħafna imma naħseb li l-fatt li kultant insibu l-għajnuna tal-ħbieb u ta’ dawk li jgħixu magħna huwa importanti imma fl-aħħar mill-aħħar jiġri x’jiġri l-ħajja tibqa’ sabiħa u xejn ma jista’ jiżboq mir-rigal tal-ħajja tagħna.

Għandna ħajja waħda u rridu ngħixuha b’mod sabiħ, li nħobbu lil oħrajn u aħna għandna dritt ukoll li nirċievu l-imħabba wkoll. Dak inqisu bħala dritt, li jien bħal ma nħobb lill-oħrajn, nirċievi wkoll l-imħabba mingħand l-oħrajn. U għandna bżonn li nħobbu lil xulxin għax dak huwa l-għan tal-ħajja tagħna. Bħal ma Alla huwa mħabba u ħajjitna ħarġet minn Alla u trid tirritorna quddiem Alla, imma aħna rridu niskopru l-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħna biex inkunu kapaċi nħobbu b’mod sħiħ lill-oħrajn.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks