Li ssir taf li persuna qrib tiegħek għandha kanċer tas-sider huwa xokk kbir, u ovvjament huwa żmien ta’ nkwiet u biża’.
Huwa wkoll żmien fejn tħossok konfuż u tibda tistaqsi lilek innifsek kif tista’ tgħin.
Minkejja li huwa żmien diffiċli ħafna kemm għalik kif ukoll għall-persuna, jekk tkun taf x’għandek tagħmel, tista’ tagħmel is-sitwazzjoni ftit inqas diffiċli għall-persuna kif ukoll għalik wara d-dijanjosi u waqt it-trattament.
Dawn huma xi suġġerimenti:
Li toffri lill-persuna qrib tiegħek għajnuna emozzjonali matul dan il-vjaġġ tagħha tista’ tagħmel differenza kbira. Sempliċiment li tieħu l-ħin biex tara kif qed iħossuhom u turiha li qiegħed hemm għaliha tgħin lilek u lilha.
- Ikteb il-mistoqsijiet li jista’ jkollok biex ma tinsihomx. Jekk il-persuna ma tiddejjaqx u tkun komda, tista’ tmur magħha għal appuntament u tistaqsi lit-tabib dwarhom, imma dejjem iddiskutiha mal-persuna.
- Kun ippreparat għal bidliet fl-imġiba u l-burdata tal-persuna. Mediċini, side effects mit-trattament, u stress jistgħu jagħmluha tħossha dipressa, irrabjata jew għajjiena.
- Kun dejjem disponibbli biex tisma’. Ibki u idħak magħha imma importanti li tismagħha. Kultant ma jkunx hemm bżonn ta’ kliem.
- Uriha li ħa ssibek hemm f’kull ħin, anki billejl. Ħafna drabi, nisa li jkunu qiegħdin jikkumbattu mal-kanċer tas-sider ma jkunux jistgħu jorqdu u jagħmlu ljieli mqajmin jinkwetaw. Li tkun taf li hemm xi ħadd li tista’ tilħqu kull ħin tista’ tkun ta’ faraġ.
- Kun dak li int magħha. Importanti li ma tippruvax taġixxi modieħor. M’għandekx għalfejn tinkwieta li ma tkunx taf x’għandek tgħid.
- Ħeġġiġha tkun attiva u tagħmel kemm tista’ għaliha nnifisha. Dan jgħinha tħoss sens ta’ kontroll.
- Uriha li jimpurtak. Ħafna nies isibuha diffiċli biex jitolbu l-għajnuna. Li ssajrilha xi ikla tajba jew li toffri li tgħinha f’qadi li jista’ jkollha, ukoll tista’ tkun għajnuna kbira.
- Kellimha, uriha li jimpurtak u li qiegħed hemm għaliha imma rrispetta l-bżonnijiet tagħha. Ftakar li kultant anki li titkellem tista’ tkun sfida. Irrispetta l-ispazju tagħha.
X’għandek tevita li tagħmel:
- Tgħidilhiex dwar l-aħħar kura jew trattament li smajt dwaru.
- Evita li ssemmi l-biżgħat u l-inkwiet tiegħek.
- Taqtax qalbek minnha.
- Tgħidilhiex kif għandha tkun qed tibdel l-istil tal-ħajja jew id-dieta tagħha.
- Tgħidilhiex “kun pożittiva”. Dan jista’ jagħmilha diffiċli għaliha li titkellem miegħek dwar kif tassew qed tħossha.
Bħal dejjem, biex tkun tista’ tkun preżenti kif suppost u tagħti l-mija fil-mija sapport lill-persuna li tant tħobb, trid tieħu ħsieb sew lilek innifsek ukoll, għalhekk importanti li:
- Tipprova żżomm attitudni pożittiva kemm jista’ jkun.
- Torqod biżżejjed u tiekol tajjeb.
- Tiddedika ftit ħin għalik innifsek. Mur mixja, isma’ l-mużika, agħmel meditazzjoni jew yoga, jew kwalunkwe ħaġa li tgħinek tirrilassa.
- Tikkunsidra li tagħmel tip ta’ eżerċizzju fiżiku regolament. Huwa mod tajjeb ħafna biex tiġġieled it-tensjoni, u tista’ tgħin lil ġismek ikun ippreparat aħjar biex jittratta l-istress.
- Ma żżommx lura milli titlob l-għajnuna lill-membri tal-familja u l-ħbieb. Ħafna nies japprezzaw li jingħataw iċ-ċans li jgħinu.
- Tikkunsidra li tingħaqad ma’ grupp ta’ appoġġ għall-familja u l-ħbieb ta’ persuni li ġew dijanjostikati bil-kanċer tas-sider. Dan jista’ jgħinek biex titkellem dwar dak li tkun għaddej minnu ma’ nies oħra li jifhmu eżatt minn xiex tkun għaddej.
- Ma żżommx lura milli tfittex għajnuna professjonali jekk tħoss il-bżonn.
Dejjem nisħqu l-importanza li tiċċekkja lilek innifsek, u jekk tinnota xi ħaġa mhux tas-soltu f’ġismek tkellem mill-ewwel lit-tabib tiegħek.
