Minkejja li mhux se jkun qed jattendi s-summit tal-COP26, permezz ta’ filmat il-Papa Franġisku appella lill-mexxejja globali li se jiltaqgħu minn nhar il-Ħadd li ġej fil-konferenza tan-NU fi Glasgow biex jieħdu azzjoni radikali dwar l-emerġenza ambjentali u joffru tama konkreta lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Huwa qal li t-tibdil fil-klima u l-pandemija tal-Covid-19 esponew il-vulnerabilità tagħna u qajmu bosta dubji u tħassib dwar is-sistemi ekonomiċi tagħna u l-mod kif norganizzaw is-soċjetajiet tagħna.

Fid-diskors tiegħu qal ukoll li tlifna s-sens ta’ sigurtà tagħna u li tlifna l-kontroll fuq ħajjitna u b’hekk insibu ruħna aktar fraġli u beżgħana.

Il-Papa tkellem dwar kriżijiet fosthom il-pandemija tal-Covid-19, it-tibdil fil-klima u d-diffikultajiet ekonomiċi, u ħeġġeġ lill-mexxejja globali biex jieħdu azzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Żied jgħid li kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna u fejn qiegħdin, nistgħu nagħtu s-sehem tagħna fit-tibdil tar-rispons kollettiv tagħna għall-ħsara li qed issir lid-dinja.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks