Demetria qamet bilwieqfa u ħarset lejn fejn kien qed juriha b’subgħajh. Wara l-għelieqi enormi illi kienu jikkumplimentaw din id-dar kbira, kien jidher kurċifiss tal-ġebel, f’ras lapida.
“Jiddispjaċini,” qaltlu.
Dak il-ħin, eżatt malli reġgħet poġġiet bilqiegħda fuq is-sufan, Tumas ra li kienet liebsa ġiżirana li bdiet tleqq xi ftit għaliex bdiet tirrifletti mad-dawl ta’ barra.
Damu jitkellmu ħafna. Kienet ħadet gost tirraġuna ma’ dan ix-xwejjaħ Tumas u malli waqfet ix-xita, kien kważi ddispjaċiha li kienet se titlaq.
“Nerġa niġi!” qaltlu, hekk kif xejrilha u telqet bil-mixi.
Bdiet tmur tarah kuljum. Ħaditha drawwa illi wara li tkun lestiet mix-xogħol, kienet tmur toqgħod titkellem miegħu.
“Jien noqgħod ma’ ommi…..” kienet qaltlu.
“Minn liema naħat hija ommok?” kien staqsiha. “Forsi naf il-familja tagħkom.”
“Ommi qatt ma tgħid xejn fuq il-passat tagħha.”
Għal Demetria, Tumas kien sar qisu parti mill-familja. Kienet tieħu gost tiftaħ qalbha miegħu u tgħidlu fuq dak kollu li kien jgħaddi mingħaliha.
“Tumas, issa se jkolli nibda narak nhar ta’ Ħadd biss,” kienet qaltlu darba fost l-oħrajn. “Għaliex se jibda jdaħħalni xogħol kuljum.”
“Mhux xorta, jien kont drajt waħdi,” kien qalilha, iħoss li n-nuqqas tagħha kien se jfisser ħafna għalih.
Bdiet tmur tarah nhar ta’ Ħadd biss. Xorta kienu jaqsmu l-emozzjonijiet tagħhom flimkien.
Sakemm iltaqgħet ma’ Winston.
“Ma rridekx tmur aktar f’dak ir-razzett!” qalilha, kważi offiż.
“Imma…..” kienet se tinfaqa’ tibki.
“Jekk trid tkun l-għarusa tiegħi……mela dak xogħol? Tmur kull nhar ta’ Ħadd u tħallini waħdi? Ġieli tgħaddi ġurnata sħiħa hemm!”
“Nibda mmur u noqgħod ftit ħin biss!” qaltlu bid-dmugħ f’għajnejha.
“Ma rridx….”
Dak il-Ħadd ma kinitx bid-daħka fuq fommha bħas-soltu. Kienet taf li la Winston u lanqas il-familja tagħha ma kienu japprovaw li toqgħod tqatta’ ġranet sħaħ fil-kumpanija ta’ dak ix-xwejjaħ żmagat li kienet dejjem issemmi.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks