Select Page

Bdejna x-xahar ta’ Novembru, il-11-il xahar tal-kalendarju Gregorjan.

Għal dawk li jħobbu x-xitwa żgur li huma ħerqana għal dan ix-xahar għaliex wara sajf qalil, l-arja bdiet tiksaħ ftit speċjalment wara x-xita li għamlet fil-ġranet li għaddew. Naturalment, wieħed jistenna li jkollna iktar ġranet xitwin matul dan ix-xahar, allura dawk li jħobbu l-ħwejjeġ tax-xitwa jistgħu jibdew igawduhom.

Għal dawk li jħobbu l-Milied, dan ix-xahar għalihom ifisser preparamenti u ppjanar, u għal ħafna, huwa wkoll iż-żmien li jibdew iżejnu d-dar tagħhom bit-tiżjin tal-Milied.

Novembru huwa wkoll ix-xahar iddedikat għall-mustaċċi u d-daqna. Huwa ż-żmien fejn iħallu x-xagħar tal-mustaċċi u d-daqna jikber. No Shave November magħruf ukoll bħala Movember. Dan isir biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet tas-saħħa tal-irġiel bħall-kanċer tal-prostata u tat-testikoli.

Bħal kull xahar ieħor, hemm fatti interessanti dwar Novembru li żgur li ma kontx taf!

Kont taf li…

L-isem ta’ Novembru baqa’ dejjem l-istess mill-kalendarju Ruman tal-qedem, li kien jintuża sal-45 QK. Dan l-ewwel kalendarju Ruman kien magħmul biss minn għaxar xhur, b’Novembru d-disa’ xahar. L-isem Novembru fil-fatt ifisser “id-disa’ xahar” bil-latin.

Novembru huwa l-aħħar mill-erba’ xhur li għandhom 30 jum. Ix-xhur l-oħra huma Settembru, April u Ġunju.

Ħafna nies fl-Istati Uniti probabbli jiftakru x’kienu qed jagħmlu fin-nofsiegħa ta’ waranofsinhar, fit-22 ta’ Novembru tal-1963. Kien f’dan il-jum li l-President John F. Kennedy, magħruf bħala JFK, ġie milqut fatalment minn sparatura waqt li kien fil-karozza. Huwa kien iddaħħal l-isptar iżda kien tard wisq u ġie ddikjarat mejjet fis-1 ta’ waranofsinhar. Kennedy kien ir-raba’ President Amerikan li nqatel, wara Abraham Lincoln, James Garfield u William McKinley.

L-Anglo-Sassoni kellhom isem pjuttost xieraq għal Novembru. Normalment f’dan iż-żmien fl-emisferu tat-Tramuntana r-riħ jibda jiksaħ ftit mhux ħażin, u dawn kienu jsejħulu Wind Monath.

L-Anglo-Sassoni kienu jsejħu wkoll ix-xahar ta’ Novembru Blod Monath. Dan l-isem ġie peress li kien f’Novembru li kellhom it-tradizzjoni li joqtlu l-baqar biex jipprovdu l-ikel għax-xhur twal tax-xitwa.

Il-5 ta’ Novembru jimmarka jum storiku fir-Renju Unit. F’dan il-jum fl-1605, grupp ta’ Kattoliċi Rumani ppjanaw biex jisplodu l-Parlament Ingliż waqt li kien ġewwa r-Re Ġakbu U. Fortunatament, il-plott ġie mfixkel. Kull sena jsiru ċelebrazzjonijiet madwar il-pajjiż tal-falliment ta’ din il-konspirazzjoni.

L-Istati Uniti għandha l-ġurnata storika tagħha wkoll. It-Thanksgiving jiġi ċċelebrat fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru u ilu jiġi ċċelebrat mill-1621. L-ewwel Thanksgiving kienet festa li ċċelebrat l-ewwel ħsad abbundanti tal-pellegrini ta’ Plymouth u New England. Għadu jiġi ċċelebrat b’mod simili sal-lum il-ġurnata, bil-familji jingħaqdu flimkien u jieklu ħafna ikel tradizzjonalment disponibbli matul Novembru.

Novembru għandu birthstone waħda biss, it-topaz. It-topaz huwa simboliku ta’ ħafna affarijiet, iżda fuq kollox huwa simbolu ta’ saħħa u unur. Il-Griegi tal-qedem kienu jemmnu li din kellha l-abilità li tagħmel lil dak li jkun inviżibbli.

Novembru għandu wkoll fjura simbolika waħda, il-kristantema (chrysanthemum). Din il-fjura tissimbolizza l-ferħ, madanakollu, il-kristantemi kkuluriti differenti għandhom tifsiriet differenti. Il-bojod jirrappreżentaw l-imħabba pura u l-verità, il-ħomor jesprimu l-imħabba unika lejn xi ħadd, filwaqt li s-sofor huma simbolu ta’ mħabba mhux reċiprokata.

It-3 ta’ Novembru tal-1957 kien jum storiku kemm għar-Russja Sovjetika kif ukoll għad-dinja. Kien f’dan il-jum li tnediet b’suċċess l-ewwel vettura spazjali li ġarret passiġġier ħaj. Il-passiġġiera kienet kelba bl-isem ta’ Laika, li kienet instabet fit-toroq ta’ Moska. Is-Sovjetiċi kienu jużaw klieb mitlufin fit-testijiet tagħhom għax kienu jassumu li kienu jkunu mdorrijin bil-ġuħ u l-kesħa li inevitabbilment se jesperjenzaw fl-ispazju.

Bħax-xhur l-oħra kollha tas-sena, f’Novembru twieldu numru ta’ nies famużi u importanti. Uħud minnhom jinkludu Mark Twain, Leonardo DiCaprio, Winston Churchill, Kurt Vonnegut u Scarlett Johansson.

Xi jfisser għalik dan ix-xahar?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks