Wara li l-ġimgħa li għaddiet sirna nafu iktar mill-qrib lil Fr Aaron Zahra, illum ħa nitkellmu miegħu dwar kwistjonijiet ftit jew wisq kontroversjali u niskopru l-perspettiva tiegħu dwarhom..

Fr Aaron…

Jekk il-loġika tiddistingwi lill-bniedem mill-bqija tal-annimali, x’inhu s-sens li din tiġi sostitwita mill-fidi li hija xi ħaġa soġġettiva għall-aħħar?

Il-bniedem huwa razzjonali, kapaċi jaħseb, kapaċi jiddeċiedi, jiddexxerni, jaf jagħmel l-għażliet tiegħu, mentri annimal huwa differenti mill-bniedem, l-annimal mhux razzjonali. Għalkemm l-annimali huma parti mill-ħolqien t’Alla, jiġifieri jien meta nara annimal nagħraf il-kobor li Alla ħalaq dawn l-annimali kollha fid-dinja. Jiena meta nħares lejn annimal, jekk ikun kelb għandi mħabba lejh u kapaċi noħloq relazzjoni miegħu, imma l-annimal mhux kapaċi jaħseb, mhux razzjonal.

L-annimali anke l-mod kif jirnexilhom jgħixu, il-fiżjonomija tagħhom, anke biċċa insett, toqgħod tgħid, anke insett zgħir għandu kollox, xi ħadd li ħalqu, jiġifieri li huwa Alla, nagħraf il-kobor tiegħu.

L-annimali importanti li aħna nieħdu ħsiebhom, nikkultivawhom, ikollna rispett lejhom però ovvjament qatt ma nistgħu npoġġu annimal f’livell mal-bniedem, ovvjament dik qatt ma tista’ ssir.

Kull tant żmien nisimgħu b’xi saċerdot li jmur lil hinn minn dak li mdorrijin nisimgħu u naraw minn saċerdot. Ftit xhur ilu, deher filmat fejn saċerdot ammetta li jagħmel ċerti affarijiet li forsi mhux li wieħed jistenna minn saċerdot. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Ovvjament, li saċerdot juri l-fraġilità tiegħu, li huwa bniedem bħall-oħrajn, bħal ma diġà għidt jien ukoll, ma fiha xejn ħażin imma naħseb ċerti kummenti żejda u vulgari ma naqbilx magħhom. Forsi għal fraction żgħira ta’ nies, joħolqu ftit ta’ sensazzjonaliżmu imma għal nies oħrajn ikunu banali u jimbuttahom mill-knisja.

Naħseb in-nies għandhom sens biżżejjed u maturi biżżejjed li jafu li saċerdot għandu l-fraġilitajiet tiegħu, għandu l-karattru tiegħu u għandu t-tentazzjonijiet tiegħu bħal kull bniedem ieħor, ovvjament is-saċerdot għalhekk għandu l-ħajja ta’ talb, għandu d-direttur spiritwali tiegħu u jipprova jagħmel l-almu tiegħu biex jgħix il-vokazzjoni tiegħu bħala saċerdot, imma li tmur hemm barra u tgħid ċerti affarijiet ovvjament lili ma jinżlulix tajjeb. Anke żgħażagħ, kien hemm min ġie jsibni u qaluli li huma diżgustati wkoll għal dak li semgħu minn dan is-saċerdot partikolari.

Il-każijiet ta’ abbuż sesswali fi ħdan il-Knisja huma waħda mill-problemi li l-Knisja ilha tiffaċċja għal snin twal. Naf li int għamilt ir-riċerka tiegħek ukoll dwar dan. Xi skoprejt mir-riċerka li għamilt int? U x’taħseb li kienet ir-raġuni prinċipali li għal żmien twil il-Knisja kienet tagħżel li mhux biss ma toffrix għajnuna lill-vittmi iżda taħbi u tipproteġi lill-aggressur?

Iva jien għamilt riċerka fuq l-abbużi sesswali fi ħdan il-knisja, u huwa suġġett għal qalbi. Ovvjament meta ngħid għal qalbi għax huwa suġġett li jinteressani aktar milli hu għal qalbi għax nixtieq li kieku dawn l-affarijiet qatt ma saru fil-knisja u tinstema’ stramba li ngħid suġġett għal qalbi għax kif jista’ jkollok xi ħaġa għal qalbek meta saret ħsara kbira lil nies minorenni.

Hija pjaga iva, li ħalliet lill-knisja f’salib it-toroq ikolli ngħid. Mir-riċerka li għamilt jien jidher biċ-ċar li għad trid titqajjem iktar kuxjenza fuq dan is-suġġett. Kultant għad għandna nies, mhux biss saċerdoti u dawk li jmexxu l-knisja imma wkoll lajċi li jaħdmu fil-knisja, li ċerti affarijiet jeħduhom for granted u għalhekk irid isir aktar awareness bħal ma diġà qed isir, u hawnhekk nagħmel parentesi li nsemmi s-Safeguarding Commission li qed tagħmel xogħol kbir biex dejjem iżżomna alert ta’ dak li hu għaddej, u li aħna nissalvagwardjaw il-minorenni fl-istituzzjonijiet tal-knisja, fl-ambjenti tal-knisja, fil-proprjetajiet kollha tal-knisja hija waħda mill-prijoritajiet tagħna. Ma nistgħux nieħdu dawn l-affarijiet for granted.

Waħda mir-raġunijiet prinċipali li l-knisja żammet lura milli tesponi dawn l-affarijiet, għax kienet qed tibża’ għar-reputazzjoni tagħha u l-iżball kardinali li sar mill-knisja huwa li tat prijorità lir-reputazzjoni tagħha milli l-vittmi. Dik kienet waħda mill-kankru kbir li kien hemm fil-knisja fil-kamp tal-abbużi sesswali. Il-knisja dejjem tat prijorità li tissalvagwardja r-reputazzjoni tagħha għax bdiet tibża’ li hemm barra se tkun ta’ skandlu kbir u li n-nies se jitilquha.

Jiena nemmen li kieku kienet ċara mill-bidu u laqgħet dawn l-affarijiet mill-bidu, u mhux saċerdot li kien iwettaq dawn l-affarijiet konna npoġġuh minn parroċċa għal oħra jew minn post għall-ieħor jew jibagħtuh barra, bħallikieku dan mhux se jabbuża tfal f’postijiet oħra, dik ħolqot chaos kbir fil-knisja u li għadna nbatu l-konsegwenza tagħha sal-lum.

Minkejja li saru sforzi kbar, u saru riċerki kbar, però xorta għad hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru, madanakollu qed isir ħafna xogħol ukoll u tajjeb li nsemmu li l-knisja f’Malta kienet l-ewwel knisja li kellha Safeguarding Commission, jiġifieri minn żmien l-Arċisqof Ġużeppi Merċieċa, kien wieħed mill-ewwel isqfijiet fid-dinja li waqqaf dak li ngħidulu r-“Response Team”, li kien jgħin lill-Isqof biex jinvestiga dawn il-każijiet.

Int personali, xi tħoss meta tisma’ b’każijiet bħal dawn? Taħseb li sar progress mill-Knisja f’dan ir-rigward? Fadal xi jsir?

Jien meta nisma b’xi każ rabja kbira taqbadni u wkoll inħoss weġgħa kbira, għax int għandek mhux biss il-vittma, għandek il-familja tagħha jew tiegħu, li toħolqilhom ukoll feriti, u wkoll l-impatt li jkun hemm fuq il-knisja, għalkemm l-ewwel prijorità jien nagħtiha lill-vittma. Lil ħadd u xejn aktar, la l-knisja, la l-effett fuq il-knisja jew fil-kuntest ekkleżżjali li jkun sar il-każ, l-ewwel prijorità hija l-vittma u ħadd aktar.

Iva, ikolli rabja għax ngħid ġiet irrovinata ħajja ta’ persuna, għax il-ferita tal-abbuż mhux sempliċiment sar l-abbuż, u skoprejna li sar u għaddiet, imma għall-vittma dik il-ferita ħa tibqa’ ġġorrha ħajjitha kollha u għalhekk importanti li l-vittmi tal-abbużi sesswali kemm fi ħdan il-knisja u anke minn ġenituri jew minn nies oħrajn, dejjem għandhom bżonn l-għajnuna, iridu jfittxu l-għajnuna għax l-abbuż iħalli effett fuq il-futur tal-ħajja tagħhom.

Għalhekk aħna dejjem ninsistu li malli nkunu nafu b’xi każ irridu nirrapurtaw lill-pulizija, lill-knisja, lis-Safeguarding Commission, biex qabel kollox, qabel ma ssir ġustizzja, li hija importanti ħafna li ssir, imma wkoll li dawn il-vittmi jirċievu l-għajnuna professjonali li jkollhom bżonn.

Ftit xhur ilu, ħarġet stqarrija mill-Vatikan dwar iż-żwieġ bejn persuni omosesswali, li ddiżappuntat lil dawk li kienu qed jittamaw li l-Knisja tagħmel avvanz fil-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan?

Rigward l-istqarrija tal-Vatikan u dwar persuni omosesswali, it-tagħlim tal-knisja huwa dak li hu. It-tagħlim tal-knisja hu li żwieġ huwa bejn mara u raġel, dak huwa t-twemmin tal-knisja però ejjew ukoll inkunu konxji li l-knisja dejjem tat sapport lill-persuni omosesswali. Għandna ħafna koppji omosesswali li jattendu l-quddies, għandna ħafna saċerdoti li qed jagħmlu wkoll ħidma pastorali sabiħa immens u inkoraġġanti mall-persuni omosesswali u dan għandna bżonn li niftħuh aktar fil-beraħ.

Min jgħid li l-knisja għandha l-bieb tagħha magħluq għall-koppji omosesswali jew għal persuni omosesswali jkun qed jagħmel żball kbir, u meta saċerdot jagħlaq il-bieb jew jagħlaq il-bieb pastorali tiegħu, jew ikun iebes ma’ dawn in-nies, ikun qed jagħmel ħsara irreparabbli.

Aħna rridu nkunu miftuħin, irridu nagħmlu mixja pastorali ma’ dawn in-nies u ma nistgħux neskluduhom mill-knisja, qatt. Però ovvjament is-sagrament taż-żwieġ qiegħed hemmhekk għal mara u raġel, u ħafna mill-persuni omosesswali jifhmuh dan u jgħidulek, jgħiduli “father aħna ma ġejniex biex niżżewġu fil-knisja għax nafu li t-tagħlim tal-knisja huwa dak, però nixtiequ li nagħmlu mixja spiritwali wkoll”, u aħna s-saċerdoti rridu nkunu miftuħin għalihom ukoll u mmorru fid-djar tagħhom, nisimgħu l-weġgħat tagħhom u rridu nkunu hemmhekk, ta’ support kbir għalihom għax huma parti mill-knisja ta’ Kristu.

Jinkwetak il-fatt li ħafna nies qed jitbiegħdu mill-Knisja? X’taħseb li huma r-raġunijiet għal dan?

Iva jinkwetani li ħafna nies qed jitbiegħdu mill-knisja, imma tbiegħdu mill-knisja għal diversi raġunijiet. Issa tgħidli, tort tagħna? Tort tas-saċerdoti? Tort tal-knisja? Ma nafx, emminni ma nafx, però rridu naraw il-kuntest kollu kif inhu. Is-soċjetà qed tinbidel u l-knisja forsi ma kinitx daqshekk alert għal din il-bidla li qed issir b’rata mgħaġla. Kienet konxja li qed tinbidel, ma kinitx konxja li qed tinbdel b’daqshekk rata mgħaġla. Allura issa l-fatt li l-knejjes tagħna qed jitbattlu, li huwa fatt li ħadd ma jista’ jinnegah, ma jfissirx imma li hemm barra n-nies mhux qed jgħixu l-fidi tagħhom. Ma jfissirx li hemm barra għandna nies li ma baqgħux jemmnu fi Kristu u ma baqgħux jitolbu, forsi iva mhumiex qed jiġu l-knisja jirċievu l-Ewkaristija u jisimgħu l-kelma t’Alla però ara ma taħsbux li hemm barra n-nies mhux qiegħdin jitolbu, li n-nies m’għadhomx ifittxu lil Ġesù Kristu.

Issa ċ-channels li qed jużaw biex ifittxu lil Ġesù Kristu forsi huma ħżiena, imma aħna x’qiegħdin nagħmlu? Qed immorru fid-djar? Qed inżuru l-postijiet tax-xogħol? Qed inkunu ta’ forċina għal tant nies li jgħaddu minn mumenti iebsa fil-ħajja tagħhom? Meta jkun hemm mewt fil-familja, is-saċerdot fejn qed ikun, biex jagħmel ir-rit tal-funeral u d-difna u daqshekk? Meta koppja titlef xi tarbija? Jew koppja li ma jistax ikollha tfal? Fejn qiegħdin aħna? Kemm qed noffru s-servizz tagħna? U dik hija ħidma pastorali li l-knisja għandha bżonn illum aktar minn qatt qabel.

Postna m’għadux fuq l-ambone, postna m’għadux fis-sagristija jew fl-uffiċju tal-kappillan jew fil-kunventi. Irridu nimirħu ‘l barra u s-soċjetà, iva, għandha bżonn aktar minn qatt qabel il-preżenza tas-saċerdot fil-postijiet tax-xogħol, fil-familji tagħna, fejn hemm il-weġgħat, fejn hemm nies li qed jgħixu f’solitudni, iktar minn qatt qabel.

Waħda mill-isfidi ewlenin fid-dinja, inkluż f’pajjiżna hija l-inklużjoni. Meta niġu għall-persuni b’diżabilità, ma taħsibx li l-Knisja għadha tirreferi għall-persuni b’diżabilità, forsi anki b’mod indirett, bħala persuni morda, anġli u speċjali? Ma taħsibx li dan qed jgħin biex tibqa’ ċerta perspettiva antikwata, partikolarment minn dawk li jiġu influwenzati mill-Knisja?

Naħseb li l-knisja rigward l-inklużjoni għamlet passi kbar. Fil-fatt anke jekk naraw l-iskejjel tal-knisja, jien rettur ta’ kulleġġ, ta’ San Albert il-Kbir, li waħda mill-prijoritajiet hija l-inklużjoni għall-persuni b’diżabilità u lil dawk b’li ngħidulhom special needs, u dan għandu jkun ukoll prijorità fi ħdan il-knisja, li ma neskludu lil ħadd. Fil-fatt il-knisja kienet ukoll pijuniera, jekk inħarsu lejn id-Dar tal-Providenza, il-knisja kienet pijuniera li toffri s-servizz ukoll lill-persuni b’diżabilità.

Ovvjament iva, kultant it-terminoloġiji li nużaw, irridu noqogħdu attenti vera. Rigward li bħal m’għidt inti jiġu indirizzati b’mod indirett bħala persuni morda, anġli, speċjali, ovvjament din kultant toħloq dibattitu kif ħa tirreferi għalihom, meta ngħidu special needs, persuni b’diżabilitá. Nifhem li kultant il-lingwaġġ tagħna jrid ikun aktar sensittiv għan-nies li huma b’diżabilità jew għal nies li jkunu morda eċċ, però naħseb li qatt ma nistgħu nikkritikaw lill-knisja li ma kinitx b’idejha miftuħa għal dawn in-nies, li ma tatx l-input tagħha għall-inklużjoni ta’ dawn in-nies.

Rigward terminoloġija qisni ma nafx x’naqbad ngħid ħlief li iva nifhem li jrid ikun hemm aktar sensittività għal-lingwaġġ u t-terminoloġija li tintuża.

Fl-opinjoni tiegħek, fiex żbaljat l-aktar il-Knisja u fiex ħalliet l-aktar impatt pożittiv matul is-snin?

Il-knisja żbaljat kultant għax ma kellhiex ideja fuq il-polz tan-nies. Naħseb li l-akbar żball li għamlet il-knisja kien meta kienet maqtugħa mir-realtà ta’ dak li kien għaddej fis-soċjetà.

Ovvjament, jien dejjem ngħid li l-ġlieda politika reliġjuża kien l-agħar żmien tal-knisja f’Malta u ħalla impatt negattiv qawwi fuq il-knisja. Ovvjament hemm ukoll min baqa’ għaddej biha din il-ħaġa tad-dnub il-mejjet, u għax kienu jindifnu fil-miżbla eċċ. Il-knisja kienet matura biżżejjed li għarfet l-iżbalji li għamlet, kellna tlett isqfijiet li talbu maħfra u li kienu konxji tal-iżbalji li saru, Ġużeppi Merċieċa, Pawlu Cremona u Charles Scicluna, li dejjem għarfu li sar żball enormi f’dan l-att u l-knisja wkoll tgħallmet b’xi mod minn dan l-iżball. Dan inqisu bħala żball kbir.

Ovvjament, impatt pożittiv il-knisja ħalliet ħafna, u nkunu ingrati jekk aħna ma ngħidux li ma ħallietx impatt pożittiv. X’ma ħallietx impatt pożittiv il-knisja? Fil-qasam soċjali? Semmejt id-Dar tal-Providenza, l-iskejjel tal knisja, l-isptarijiet li kellha l-knisja, id-djar għall-anzjani, il-Caritas, il-knisja qed tagħti input kbir ukoll fil-qasam soċjali tagħha. Immaġina kieku ma kellhiex l-iskejjel il-knisja, ara xi problema jkollu l-gvern biex jara kif se jipprovdi l-edukazzjoni għal numru kbir ta’ studenti u x’ġid isir fl-iskejjel tal-knisja u x’edukazzjoni, anke rigward il-ħajja u l-valuri Kristjani kemm iħallu impatt fis-soċjetà.

Jien jinkwetani pereżempju l-fatt li l-kriminalità qed tgħolli rasa f’pajjiżna, għalfejn? Għax għandna bżonn iktar it-tagħlim fuq il-valuri Nsara u meta kellna tagħlim b’saħħtu fuq il-valuri Nsara, il-kriminalità ma kinitx għolja bħal mhi llum jew ċerti każijiet li nisimgħu llum, sa għaxar snin ilu, sa għoxrin sena ilu ma konniex nisimgħu daqshekk frekwenti jew ma nisimgħu xejn bihom. U għalhekk is-soċjetà trid tagħmel eżami tal-kuxjenza wkoll, x’valuri qiegħda tħaddan u hawnhekk il-knisja trid tagħmel ukoll eżami tal-kuxjenza, kemm verament fil-veru sens tal-kelma qiegħda tippromwovi t-tagħlim soċjali tagħha u l-valuri tagħha.

X’jinkwetak l-aktar minn dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna b’mod ġenerali?

‘Il bogħod mill-politika ta għax ma tinteressanix daqshekk, minkejja li nżomm ruħi aġġornat fuq dak li jkun qed jiġri politikament, jien li jinkwetani l-aktar f’pajjiżna huma l-valuri. Il-valur jinkwetawni, speċjalment il-valur tal-ħajja. Jekk aħna ħa nneħħu r-rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-bidu naturali sal-mewt naturali, iva nħoss li pajjiżna jkun daħal fil-ħajt.

Il-ħajja hija don, hija rigal minn Alla u sabiħa, u l-pajjiż irid jaħdem biex il-ħajja ta’ xulxin nagħmluha sabiħa u nagħrfu li kull persuna, hi min hi, ġejja minn fejn ġejja, la qed tgħix f’pajjiżna rridu nirrispettawha u nagħrfuha bħala don. Aħna min aħna, la qed ngħixu f’dan il-pajjiż flimkien, kieku kulħadd jirrispetta li aħna don minn Alla, li aħna rigal għal xulxin minn Alla, il-pajjiż tagħna jkun ħafna aħjar.

Apparti minn affarijiet ekonomiċi, politiċi eċċetra, li hemm ukoll għandna bżonn ċerta maturità, aktar trasparenza u aktar valur ta’ ġustizzja però qabel kollox, importanti li aħna naghrfu l-valur ta’ xulxin, rigal għal xulxin, hi min hi l-persuna, jekk hix persuna b’diżabilità, barranija, ġejja min-naħa t’isfel ta’ Malta, min-naħa ta’ fuq, minn Għawdex, kulħadd huwa don u kulħadd għandu x’joffri lill-pajjiż. Hu min hu, jekk hu kennies, spiżjar, infermier, tabib, avukat, għalliem, kollha bżonn xulxin u għad hemm aktar xi jsir biex aħna wkoll napprezzaw ix-xogħol ta’ xulxin. Ma nistax jien ngħix il-ħajja tiegħi f’pajjiżi mingħajr ma jkollna persuni impjegati f’ċerti setturi pereżempju.

Anke l-valur tal-mara, m’ilux rajt ritratt ta’ mara qed terfa’ tebut, jien qatt ma rajtha, l-ewwel darba li rajtha, għalfejn le? Ir-rwol tal-mara huwa importanti. Il-Papa Franġisku wkoll qed jagħmel avvanz f’din il-ħaġa, li qatt m’għandna nħarsu ‘l isfel lejn il-mara. Il-mara hija importanti daqs ir-raġel u f’ċerti karigi għandna bżonn ukoll li jkollna n-nisa għax ċerti affarijiet jarawhom minn lenti differenti, anke l-fatt li għal perjodu twil qatt ma kellhom ċerti drittijiet bħal m’għandhom illum u allaħares ma jkunx hekk.

Dawn il-pajjiż irid ikompli jaħdem fuqhom u javvanzahom, basta li aħna nagħrfu d-don tal-ħajja, li aħna rigal għal xulxin.

Hemm xi kwistjoni partikolari li għadek qatt ma tkellimt dwarha pubblikament u tixtieq taqsam il-ħsibijiet tiegħek dwarha magħna?

Iva, kwistjoni partikolari li tinkwetani hija relatata mas-suġġett tal-abbużi sesswali. Li jkollok il-Vatikan u l-Papa jieħu deċiżjoni li jneżża’, aħna nużaw il-kelma jneżża’, lil dak li jkun mis-saċerdozju. It-terminoloġija propja hija jiġi “defrocked”. Dawn filli jkunu saċerdoti, filli qed jaqdu l-knisja u mbagħad jispiċċaw barra, u naħseb il-knisja trid tagħmel dixxerniment u tissapportja lil dawn in-nies, għax jekk il-knisja hija omm, il-knisja hija ħanina, jekk jien għandi omm, anke jekk jien żbaljajt, jekk jien għaffiġtha, jekk jien ħloqt feriti kbar lil oħrajn però ma jfissirx li twarrabni.

Jien nifhem u naqbel li kultant ikun hemm bżonn li tieħu deċiżjoni li tneżża’ lil dak li jkun minn saċerdot però ma jfissirx li nitilqu jew nitfgħu ‘l barra. Għandha tinħoloq istituzzjoni mill-Vatikan fejn lil dawk li jiġu defrocked toffrilhom sapport, għajnuna professjonali u jekk ikun hemm bżonn anke toffrilhom post fejn jgħixu u jistgħu wkoll jagħtu xi tip ta’ servizz lill-knisja, ovvjament mhux bħala saċerdot, imma nemmen li għad hemm ħafna xi jsir għal dawn in-nies.

Mhux sempliċiment b’daqqa ta’ karta u timbru, inti ġejt defrocked u daqshekk. Dawn in-nies b’xi mod, qabel ma għamlu dik il-ħsara li jkunu għamlu u qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata l-ħsara li jkunu għamlu, però ma jfissirx li filli lqajthom għas-saċerdozju u mbagħad f’daqqa waħda titfagħhom ‘il barra b’daqqa ta’ sieq, naħseb hemmhekk il-knisja trid tagħmel dixxerniment u trid tagħraf eżatt x’tista’ toffrilhom lil dawn in-nies biex tibqa’ takkumpanjahom.

Jekk aħna nemmnu li kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu, anke dak il-bniedem li żbalja bħala saċerdot, il-knisja għandha wkoll tibqa’ tissapportjah u tagħtih l-għajnuna li jkun meħtieġ.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks