L-istilla ta’ Gladiator, Russell Crowe jinsab Malta! Din id-darba intlemaħ ma’ crew ta’ produzzjoni li qed jiffilmjaw f’diversi postijiet f’Malta.
Skont sorsi fl-industrija, l-istilla Awstraljana x’aktarx se jqatta’ l-ġimgħa f’Malta jiffilmja Prizefighter, film biopic dwar il-puġilist tas-seklu 19 bl-isem ta’ Jem Belcher.
Huwa qed itella’ ritratti ta’ postijiet f’Malta fuq Twitter u jistaqsi lis-segwaċi tiegħu jekk jafux fejn qiegħed.
L-attur ħadem f’Gladiator, taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott fl-1999, li għalih Crowe u t-tim tal-produzzjoni qattgħu 19-il ġimgħa f’Malta b’Forti Rikażli bħala sostitut ta’ Ruma l-Antika. Ċertament li huwa mill-films favoriti tal-Maltin ta’ kull żmien.
Madwar ġimagħtejn ilu, Crowe kien qed jiffilmja fit-Tajlandja mal-attur Zac Efron. Iż-żewġ atturi għandhom jidhru f’film ibbażat fuq il-ktieb bl-isem ta’ The Greatest Beer Run Ever.
