Wara konferenza tal-aħbarijiet fuq is-saħħa sesswali li saret mill-kandidata tal-PN Emma Portelli Bonnici flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, li fiha Spiteri, u mhux hi, appella għal dibattitu parlamentari immedjat dwar l-abort, Portelli Bonnici sfat fil-mira ta’ attakki fuq il-midja soċjali.
Portelli Bonnici, li għandha fehmiet relatati mal-pro-choice, qalet li filwaqt li tifhem li xi nies ma jaqblux mal-fehmiet tagħha, ma tistax taċċetta kliem abbużiv, malafamanti u anki libelluż.
Fost bosta kummenti ta’ attakki personali li rċeviet kien hemm dak ta’ qassis, li sejjaħ lill-kandidata “Hitler, satanista, kriminali u qattiela”, kif ukoll qabbilha ma’ “Erodi tat-trabi mhux imwielda”.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Portelli Bonnici staqsiet lill-qassis jekk dawn humiex il-valuri nsara li jgħallem waqt il-priedki tal-Ħadd.
Il-qassis ħassar il-kumment u numru ta’ kummenti oħra li iteb wara li hu mifhum li intervjeniet il-Kurja, kif ukoll ħassar il-profil ta’ Facebook tiegħu.
