Qatt ma qbilt mal-espressjoni Sticks and stones may break my bones, but words will never hurt me.

Il-kliem għandhom il-qawwa li jinfdu l-qlub iżjed minn xabla, u l-ġerħa li jagħmlu għandha mnejn tibqa’ ttik fastidju tul is-snin.

Mhux dejjem faċli li “tħallih jgħid” lil dak li jkun – allavolja n-Nanna tgħidlek li s-skiet l-aqwa risposta. Kultant, tħossok se tifga jekk ma tirrispondix lil xi ħadd li tpastaż, jew miegħek jew ma’ ħaddiehor.

L-importanti hu li ma taqax fil-baxx, u ma taqlax ġlied, u li fuq kollox iżżomm id-dinjità tiegħek. Hawn nofs tużżana punti x’tiftakar:

  • Dejjem jgħidulek biex tgħodd sal-għaxra… u kultant, min jgħid xi ħaġa kattiva, ikun għeb sakemm tqis li ħadt nifsijiet ‘il ġewwa biżżejjed biex twieġbu. Imma jekk ikun għadu hemm, int tkun inġbart fi ħsibijietek, u r-risposta tkun mejqusa. Meta tirrispondi mill-ewwel, kapaċi tiżloq fin-niexef. U biex dejjem insemmu lin-nanna, din kienet tgħid li kelma li toħroġ mis-sinna timla dinja.
  • Kun oġġettiv. Żomm mas-suġġett. Taqlax ħama. Tkellem fuq li qed jiġri issa, mhux x’mingħalik li se jiġri għada, jew x’ġara ħames snin ilu “għax int dejjem hekk…”, anki jekk min qallek xi ħaġa dejjem ikun antagonistiku lejk, is-soltu.
  • M’għandekx għalfejn tipprova tivvalida ruħek u ġġib eżempji biex turi kemm inti sinċiera / onesta / intelliġenti / tal-affari tiegħek / edukata. Wara kollox, l-opinjoni ta’ ħaddieħor mhix il-verità. Biżżejjed tgħid “Jien ma naħsibhiex bħalek.” U ieqaf hemm.
  • Is-soltu jgħidulek “tkunx ċassa!”, imma jien qed ngħidlek il-kontra. Iċċassa lejn dak li jkun, qisek ma smajtux, jew almenu, ma fhimtux. Trid tirreżisti t-tentatazzjoni li titkerraħ jew tgħajjeb lil dak li jkun, biex turih li kliemu ma kellhom ebda effett fuqek.
  • Taċċettax li xi ħadd ikun pastaż dwar ħaddieħor meta jkun hemm int. Dan jagħtih x’jaħseb li jista’ jkun pastaż dwarek meta twarrab. Taħlix bżieq; għid li int ma taċċettax dawn l-affarijiet, għax għandek biex tehda. Illimita l-interazzjoni tiegħek ma’ dawn in-nies.
  • Tistħix. Hawn, ovvjament, mhux se nirrepeti x’kienet tgħid in-nanna dwar il-mistħija; imma kun af li meta int turi li m’hemmx kunfidenzi miegħek, jonqsu d-drabi li xi ħadd ikun pastaż miegħek. Immaġina li għandek barriera madwarek, u ħadd ma jista’ jinfidha, ħlief dawk li għandek il-pjaċir bihom int.

Jekk dak li qed jitpastaż ikun bir-ragħwa f’ħalqu, ftakar li dawn in-nies huma ta’ min jitħassarhom – ħajjithom vojta, jitmasħnu fuq ix-xejn għax iħobbu jidhru, u jsibu żvog billi jippruvaw jumiljaw lil ħaddieħor, għax tagħhom biss tajjeb.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks