L-atturi Malcolm u Angele Galea, il-kantanti Fabrizio Faniello, Ludwig Galea u Mary Rose Mallia flimkien mal-produttur u attur Hermann Bonaci se jkunu fost il-mistednin ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20.30.
Bi preżentazzjoni ta’ Corazon Mizzi, din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistednin. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.
Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċenji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin 70 u s-snin 90.
Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettatri.
Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenge.
Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.
