Aktar kmieni dalgħodu, permezz ta’ post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Peppi Azzopardi żvela waħda mill-istejjer li skont hu, qed jiżviluppaw minn meta l-Pulizija bdiet tinvestiga lid-direttur tal-ħabs.
“Iva, id-direttur tal-ħabs qiegħed taħt investigazzjoni tal-Pulizija.” – Peppi Azzopardi
Peppi qal li bħalissa hemm erba’ priġunieri li jridu jagħmlu stqarrijiet mal-pulizija dwar it-tmexxija tal-ħabs, u jridu jixhdu dwar x’raw u minn xiex għaddew, iżda skont Peppi, it-tmexxija tal-ħabs qed tirrifjuta li tħallihom jagħmlu l-istqarrija tagħhom mal-pulizija.
Żied jgħid li dawn l-istess priġunieri iridu jikxfu wkoll kif bħalissa t-tmexxija tal-ħabs qed tagħmel minn kollox biex tagħlaq ħalq il-priġunieri dwar kif jixhdu.
“Sur Ministru, inti taħseb li huwa sewwa li d-direttur tal-Ħabs jibqa’ hemm meta qed ikun investigat fuq allegati azzjonijiet kriminali mill-Pulizija? M’intix tara li din hija farsa traġika? Possibbli m’intix tinduna li l-ħabsin maħqura hemm ġew jibżgħu jitkellmu għax jafu l-ħruxija li hemm hemm tistennihom hemm ġew? Spjegalna Sur Ministru kif id-Direttur tal-Ħabs, investigat kriminalment mill-Pulizija, mhux qed jissospendi ruħu ħalli l-investigazzjoni ssir b’mod ħieles?” – Peppi Azzopardi
