Kien qed jistenniha bħas-soltu.
Lesthielha tazza ħalib u qagħad jistenniha fil-bieb.
Malli raha riesqa lejn ir-razzett tiegħu, tbissem u feraħ.
“Demetria!” qalilha hekk kif daħlet ġewwa.
“Nixtieq ngħidlek xi ħaġa,” qaltlu.
“Anke jien. Anke jien għandi xi ngħidlek.”
“Ibda inti,” qaltlu. Kienet taf li l-aħbar tagħha ma tantx kienet sabiħa u ma kellhiex aptit tgħidhielu.
“Jien nixtieq nirringrazzjak,” qalilha. “Għaliex minħabba fik, jien qed nerġa’ nħoss li qiegħed b’xi mod insib il-paċi miegħi nnifsi.”
“Tumas,” qaltlu. Ma xtaqitx togħmodha. Kienet se tgħidlu ċar u tond. “Dak li bdejt noħroġ miegħu ma jridnix niġi aktar hawn!” Mingħajr ma ħarset lejh. Kienet taf li kienet ser tweġġgħu.
Ma weġibhiex. Ma tkellimx.
Kien dak il-ħin li qamet bilwieqfa, qabdet il-ġiżirana li kellha madwar għonqha, neżgħetha u tathielu.
Ratu jirtogħod, hekk kif kien qed iħares lejn il-ġiżirana.
“Din minn fejn ġibtha?” staqsiha.
“Dik kienet tathieli ommi, qabel ma mietet is-sena l-oħra.”
“Ommok? Ommok?” staqsiha.
“Iva ommi.”
“Kif jista’ jkun?” staqsiha. “X’kien jisimha ommok?”
Dawk l-għajnejn żoroq. Dak ix-xagħar ħamrani.
“Ommi Henna kien jisimha.”
Tumas ma lissinx kelma oħra. Għannaqha u telqet. Kien qed jgħannaqha tal-aħħar. Iva, kienet se tkun l-aħħar darba li raha. U li ratu.
Dakinhar sab il-kuraġġ. Qabad il-ġiżirana ta’ oħtu f’idu u mexa bilmod sal-kurċifiss.
Fuq il-kurċifiss kien hemm miktub: Tumas DeLedger, żagħżugħ li miet biex isalva lil oħtu fid-diżgrazzja ta’ nhar is-27 ta’ Ottubru, 1974.
“Henna ma mititx minħabba fija……” qal bejnu u bejn ruħu. Ħassu ferħan. Ħassu jistrieħ.
Minn dakinhar ‘l hawn, ħadd aktar ma ra lil Tumas Ledger. Tumas kien sab il-paċi.

Avukata u Awtriċi