Select Page

Il-Prinċipessa Diana għad għandha ħafna intriċċi għall-udjenzi tat-TV u tal-films, il-film Spencer, li għadu kemm ħareġ fiċ-ċinema Amerikana, nhar il-Ġimgħa l-5 ta’ Novembru, huwa biss wieħed mill-ħafna produzzjonijiet li f’dawn l-aħħar snin irrakkontaw il-ħajja traġika tal-prinċipessa tant maħbuba.

L-aktar produzzjonijiet riċenti huma s-serje The Crown li dieħel fil-ħames staġun tiegħu, u Diana: The Musical li ħareġ fl-1 t’Ottubru.

Madanakollu, il-film Spencer qanqal kurżità u stennija kbira, partikolarment minħabba żewġ raġunijiet. Waħda minnhom hija li l-parti ta’ Diana hija interpretata mill-attriċi Kristen Stewart, magħrufa l-aktar għall-interpretazzjoni tagħha fis-serje Twilight. Ir-raġuni l-oħra hija d-direzzjoni ta’ dan il-film kienet f’idejn id-direttur Pablo Larraín, li preċedentament kiseb suċċess bil-film Jackie, dwar il-figura storika femminili, Jackie Kennedy.

B’differenza minn produzzjonijiet oħrajn, Spencer se jkun qed jittratta fuq madwar tlett ijiem mill-ħajja tal-Prinċipessa Diana, dwar kif setgħet kienet ħajjitha proprju ftit jiem qabel ma temmet iż-żwieġ tagħha mal-Prinċep Charles.

L-istorja sseħħ f’Sandringham Estate tal-familja rjali, fejn normalment iqattgħu l-vaganzi. Lejlet il-Milied, il-Milied u l-Boxing Day, Diana tirrealizza li ż-żwieġ tagħha mal-Prinċep Charles sfaxxa u tevalwa mill-ġdid id-direzzjoni li ħadet ħajjitha.

Filwaqt li l-film ma jurix i-mewt traġika tal-Prinċipessa fl-1997, juri ż-żwieġ sfaxxat ta’ Diana u l-imħabba tagħha għaż-żewġ uliedha, il-Prinċep William u l-Prinċep Harry. L-istorja turi wkoll lill-Prinċipessa tiffaċċja sfidi diffiċli biex ħadet id-deċiżjoni iebsa li tħalli lill-familja rjali għal dejjem.

Il-film se jiffoka fuq kif il-Prinċipessa sabet lilha nnifisha u s-saħħa li kellha bżonn fi żminijiet diffiċli.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks