Il-futboler Awstraljan Josh Cavallo, li x-xahar li għadda żvela li hu omosesswali, esprima l-biża’ tiegħu li kieku kellu jintagħżel biex jilgħab fit-Tazza tad-Dinja li ġejja fil-Qatar minħabba l-projbizzjoni ħarxa tal-omosesswalità fil-pajjiż u l-pieni legali li jvarjaw minn sentenzi twal ta’ ħabs u eżekuzzjoni.

Cavallo qal li l-fatt li din il-biża’ tista’ żżommu lura jdejqu għaliex hija waħda mill-ikbar kisbiet li jista’ jikseb futboler professjonali hija li jilgħab għal pajjiżu, madanakollu hu żied jgħid li l-fatt li tkun taf li qiegħed f’pajjiż li ma jappoġġjax persuni omosesswali jpoġġi l-ħajja tiegħu f’riskju u dan iġiegħlu jevalwa x’inhu l-aktar importanti bejn ħajtu u l-karriera tiegħu.

Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena, li jilgħab ma’ Adelaide United fl-A League tal-Awstralja, huwa l-uniku futboler omosesswali magħruf li jilgħab f’kampjonat tal-irġiel ta’ livell għoli.

Wara r-rivelazzjoni dwar is-sesswalità tiegħu x-xahar li għadda, Cavallo rċieva sapport kbir minn madwar id-dinja, inkluż mill-attakkant leġġendarju Żvediż Zlatan Ibrahimovic u l-preżentatriċi Amerikana ta’ fama mondjali Ellen DeGeneres, kif ukoll minn diversi partitarji tal-futbol, plejers attwali u eks plejers.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks