Ilni eżattament sena, nintroduċi ruħi bħala Roberta, direttriċi u editriċi ta’ skoperta.net.

Xogħli huwa li nieħu ħsieb u naħdem fuq dak kollu li jiġi ppubblikat minn skoperta.net kif ukoll dak ix-xogħol li ngħidulu ta’ wara l-kwinti, imma llum, fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju ta’ skoperta.net, se tiskopru minn fejn u kif oriġina dan il-proġett, u forsi din id-darba, xi ftit dwari wkoll!

Mindu kont żgħira, dejjem ħabbejt dak kollu li hu relatat mal-midja, drama, mużika, kitba u ġurnaliżmu. Minn meta kelli biżżejjed sens, kien jaffaxxinani l-fatt li permezz ta’ kaxxa tat-televiżjoni, gazzetta, radju, tista’ tilħaq eluf ta’ nies u taqsam magħhom dak li int kapaċi toffri, li tagħti servizz, u aktar minn hekk, tista’ tkun kapaċi tagħmel differenza.

Niftakar li ta’ spiss kont ngħid bejni u bejn ruħi “kemm nixtieq li xi darba nkun waħda minnhom”, “kemm nixtieq li xi darba ma’ jkollix għalfejn nintroduċi ruħi, għaliex jintroduċini dak li nkun qed nagħmel”. Fl-istess waqt ukoll imma, ta’ tifla innoċenti li kont, kelli l-idea li dawk involuti, dawk in-nies kollha li jagħmlu dan ix-xogħol tant affaxxinanti, jgħixu f’dinja kompletament differenti minn tiegħi u ma hemm l-ebda mod kif jien nista’ nkun parti minn dik id-dinja. Għalija l-iktar viċin li stajt inkun huwa billi nsegwi u li ninkludi dak li nara, bil-mod tiegħi, fil-logħob li kont nilgħab. U nistaqsi ħafna, xi ħaġa li minn dejjem niftakarni nagħmel!

Maż-żmien bdejt nifhem u nirrealizza aktar li dawk in-nies jgħixu fl-istess dinja tiegħi, bid-differenza li huma qed jgħixu l-passjoni tagħhom.

Kien f’perjodu pjuttost tard aktar milli wieħed jistenna, li bdejt ngħix il-passjonijiet tiegħi. Meta ngħid tard, mhux għax hemm xi regola jew limitu sakemm wieħed għandu jibda jwettaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, jien ma nemminhiex dik, iżda f’ħajti bħal donnu kulħadd kien qed jistenna l-mument li nibda.

Għamilt perjodu twil, fejn kontinwament kont nisma’, “allura x’tagħmel fil-ħajja?”, “meta ħa tagħmel xi ħaġa?!”, “Xiex? Ma taħdimx?! Kif jista’ jkun?!” u ħafna aktar, minn dawk ta’ madwari, kemm dawk li jafuni u oħrajn li mhux daqshekk.

Nistqarr li kienu mistoqsijiet li dak iż-żmien kienu jdejquni ħafna, imma fl-istess ħin kont nifhem, għaliex kienu mistoqsijiet li kont nagħmel lili nnifsi wkoll. Minn dejjem xtaqt li nqum u noħroġ minn dik il-qoxra li kont fiha, u nibda ngħix u nwettaq il-ħolm tiegħi, iżda ma kinitx sfida faċli għalija. Ir-raġuni prinċipali hija dik il-qoxra.

X’wassalni noħroġ minn dik il-qoxra?

Dejjem u f’kollox, fl-aħħar minn l-aħħar trid tkun int, li tkun determinata, li jkollok rieda biżżejjed u qawwija biex tagħmel xi ħaġa dwar dak li trid u fejn trid tasal, però, mhux biss. Nista’ ngħid b’ċertezza li l-persuni ta’ madwarek għandhom sehem kbir f’dak li jirnexxilek twettaq.

F’ħajti kelli x-xorti niltaqa’ ma’ ftit persuni speċjali li tawni idejhom u flimkien mad-determinazzjoni tiegħi ġibduni ‘l barra minn dik il-qoxra li kont fiha, u kollha għandhom sehem kbir f’dak li jien illum.

Id-drama

Wieħed mill-persuni, huwa Frederick Zammit. Li kien iċ-ċavetta għal dik id-dinja li tant kienet taffaxxinani. Flimkien ma’ ħabiba kbira tiegħi, l-attriċi Lorraine Degiorgio, tani l-opportunità li nipprattika l-passjoni tad-drama permezz ta’ F’Salib it-Toroq. Minn wara F’Salib it-Toroq, ingħatajt iktar opportunitajiet minn persuni speċjali oħrajn li emmnu fija, Ivan u Simone Debattista, Clive Piscopo, Sandro Vella. Aktar tard, Frederick reġa’ għal darb’oħra fdani bl-akbar u l-aktar karattru impenjattiv li qatt kelli f’Santa Monika.

Il-mużika

Persuna oħra li kelli x-xorti niltaqa’ miegħu huwa l-kantawtur Richard Micallef, li huwa ċ-ċavetta tiegħi fid-dinja tal-kitba ta’ kanzunetti. Bl-opportunitajiet li tani għeni nidħol f’dinja oħra u nipprattika passjoni oħra tiegħi, il-mużika.

Il-ġurnaliżmu

Hawn ukoll jidħol Frederick Zammit! Grazzi għall-opportunità li tani u l-fiduċja li kellu fija, bdejt nipprattika din il-passjoni wkoll. Opportunità li għallmitni ħafna u wasslitni biex nagħmel ‘il fuq minn 100 artiklu u intervista!

Imma kif ġiet l-idea għal skoperta.net?

Wara sena u nofs ta’ ħidma u tagħlim li għeni mhux ftit nasal sa fejn wasalt illum, għal raġunijiet personali, ħabta u sabta kelli nieqaf minn dak li kont qed nagħmel.

Kien żmien diffiċli ħafna u mudlam għalija, fejn ma kontx f’pożizzjoni li nkompli kemm fiżikament u lanqas psikoloġikament. Madanakollu, għamilt wegħda miegħi nnifsi partikolarment, li jekk jirnexxili negħleb din l-isfida kbira u tant diffiċli, b’xi mod irrid inwettaq waħda mill-ikbar ħolm tiegħi.

Minn dejjem xtaqt li jkolli l-kumpanija tiegħi, u allura ridt nipprova ngħaqqad il-ħolma mal-passjonijiet tiegħi u noħloq dan il-proġett li kien pjuttost kbir u riskjuż.

Meta qsamt dan kollu ma’ ta’ madwari kelli diversi reazzjonijiet, ħafna minnhom ta’ ferħ u inkoraġġiment, iżda wkoll ta’ dubji, u ma nagħtihomx tort sa ċertu punt għaliex iva, anki jien kelli dubji. Kien hemm uħud, li anki jekk forsi ma qalulix b’mod dirett imma ndunajt li ħasbu li din kienet ħolma kbira wisq biex jirnexxili nwettaqha.

L-isbaħ reazzjoni li kelli però, kienet dik tal-kuġina tiegħi Janice, li wara saret taf b’dak li għandi f’moħħi wriet ix-xewqa li tkun spalla ma’ spalla miegħi f’dan il-proġett. Din għalija kienet ħolma oħra li kienet ħa ssir realtà, għaliex jien u Janice għexna snin ta’ bosta esperjenzi u mumenti flimkien, u l-fatt li jkollok xi ħadd li tafda miegħek f’proġett bħal dan ifisser ħafna.

Il-proċess sakemm ikkonfermajna li dan jista’ jseħħ kien twil u mhux faċli lanqas, imma x’inhu faċli fil-ħajja?

Il-mument li kkonfermajna li l-proġett li kelli f’moħħi se jseħħ, beda x-xogħol li minn dakinhar ‘l hawn ma waqaf qatt!

Kien hemm mumenti fejn bżajt mir-riskji marbuta ma’ dan il-proġett?

IVA! Ovvja! Sa sekonda qabel skoperta.net beda jiffunzjona, niftakar li staqsejt lili nnifsi, “imma jien ċerta li se nidħol għal xi ħaġa kbira bħal din?!”. Għaliex huwa riskju kbir minn diversi aspetti, imma iva, kont ċerta. Ma kontx ċerta li se tirnexxi, qatt ma tista’ tkun, imma iva, kont ċerta li rrid nieħu r-riskju, nagħmel l-almu kollu tiegħi u nara x’jiġri.

Kien hemm ukoll il-fatt li l-bidu huwa iebes ħafna, dejjem, u mhijiex faċli biex tikseb il-fiduċja tan-nies inġenerali inkluż tal-personalitajiet, il-kontributuri u l-isponsors li trid taħdem magħhom. Hija sfida li ma nistgħux ngħidu li għelibniha għal kollox imma għamilna l-progress li għamilna huwa kbir.

Jiem persuna perfezzjonista wkoll, u allura kollox ikun ħafna inqas faċli sakemm tasal fejn trid.

Minn fejn ġie l-isem SKOPERTA?

Dan ukoll kien proċess diffiċli, għaliex jien personali ndum ftit biex niddeċiedi. Kont naf imma li l-isem ridtu jkun bil-Malti għaliex is-sit elettroniku kien se jkun bil-lingwa Maltija, u ridt kelma sempliċi li ftit jew wisq tirrappreżenta dak li se nkunu qiegħdin nagħmlu. Ovvjament, il-kunċett prinċipali huwa li niskopru, aħbarijiet, kurżitajiet, informazzjoni eċċetra, u allura l-isem Skoperta, kien ideali.

X’inhu l-għan ta’ skoperta.net?

L-għan prinċipali, minbarra li niskopru u nwasslu lilkom s-segwaċi dak kollu li jkun għaddej u ta’ interess għalikom, huwa li nagħmlu differenza. Kemm jekk b’xi informazzjoni li nkunu wassalna, kemm jekk inżommu kumpanija b’xi intervista, kemm jekk persuna tħossha li mhix waħedha li qed tħoss dak li qed tħoss, permezz ta’ xi artiklu, kemm jekk nagħtu ċ-ċans lilkom taqsmu l-opinjoni u l-ħsibijiet tagħkom fil-pubbliku, jew li noffru pjattaforma għat-talent Malti, l-importanti li nagħmlu differenza.

Għalhekk il-kwalità tal-kontenut tagħna u r-rispett lejkom is-segwaċi tagħna huma prijoritajiet għalina. Għaldaqstant dejjem infittxu li dak kollu li nwasslu jkun imwassal minn sorsi validi, professjonisti, riċerki u professjonalità.

Għan importanti wkoll li dejjem ninsistu fuqu huwa li skoperta.net ikun dak il-portal verament ta’ kulħadd, tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Ikun pjattaforma għal kulħadd.

Il-kompetizzjonijiet huma parti minn dan l-għan, għaliex permezz tagħhom ninvolvu lilkom is-segwaċi tagħna, u għaliex le, inrebbħu xi rigal sabiħ bħala turija ta’ apprezzament għall-parteċipazzjoni tagħkom.

Illum, sena wara….

Il-verità hi, li peress li bħal kull proġett kbir ieħor, kien riskju, qatt ma bsart li f’sena se naslu fejn wasalna illum.

Ir-riżultati jidhru fir-rispons tan-nies, m’hemm xejn akbar minn hekk. Il-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jikber in-numru ta’ segwaċi u dejjem jikber aktar ir-rispons huwa riżultat tajjeb ħafna. Bħal kull xogħol ieħor ta’ dan it-tip, niddependu ħafna minnkom is-segwaċi u r-riżultati llum, sena wara huwa sodisfaċenti immens. Madanakollu, ma nieqfu qatt naħdmu biex dejjem nitjiebu, u nagħtu servizz mill-aqwa lilkom permezz ta’ xogħolna.

Mill-aspett personali, kif irnexxieli nasal s’hawn, sena wara?

Bla dubju ta’ xejn huwa s-sapport enormi li għandi fil-ħajja tiegħi. Għalkemm ħafna drabi jidher ismi, però wara x-xogħol li jsir kuljum hemm “support system” ngħidu bl-Ingliż, li huwa l-magna ta’ skoperta.net. Minbarra li kif għidt, hemm il-kuġina tiegħi Janice, hemm ukoll il-preżenza u l-għajnuna ta’ persuni li mingħajrhom skoperta.net żgur li ma kienx ikun dak li hu llum.

Patrick Tanti, persuna li “skoprejt” ftit jew wisq matul iż-żmien li bdiet tiżviluppa skoperta. Is-sapport u l-għajnuna tiegħu fix-xogħol u l-ħajja personali tiegħi huma uniċi f’ħajti. U jieħu ħafna paċenzja bija wkoll!

Chris Vella minn D Cloud Systems, li dejjem jieħu paċenzja bija u jassistini f’dak kollu li hu tekniku. Ryan Galea, li wkoll jieħu paċenzja bija u jipprova jagħmel dak kollu li jkolli f’moħħi. U dejjem irnexxielu.

Jean Pierre Cassar, li wkoll jieħu paċenzja bija u jgħini b’mod partikolari fejn tidħol il-lingwa Maltija.

Persuni oħrajn li b’mod jew ieħor jgħallmuni ħafna.

Il-ħbieb tal-qalb tiegħi, dawk l-aktar viċin tiegħi, u l-familja tiegħi, li jissapportjawni b’kull mod possibbli. B’mod speċjali li jifhmu li sfortunatament, minkejja l-almu tiegħi biex niddedika ħin għal kollox u kulħadd, il-ħin naqasli ħafna. Madanakollu, xorta jkunu hemm jissapportjawni b’ġenwinità u mħabba.

Il-kontributuri, il-professjonisti u l-personalitajiet li jaċċettaw li jaħdmu magħna u jagħmlu dan b’serjetà u professjonalità.

Il-kumpaniji li jafdawna u jikkollaboraw magħna, li mingħajrhom ma nkunux nistgħu nipprovdu rigali lilkom is-segwaċi tagħna.

U l-aħħar imma żgur mhux l-inqas, intom is-segwaċi li mhux biss issegwu xogħolna iżda tapprezzaw u tagħtu s-sapport tagħkom.

Dawn huma r-raġunijiet li jien personali għadni għaddejja sal-lum.

L-akbar sodisfazzjon tiegħi hu meta…

Meta nirċievu rispons li juri li b’dak li qed inwasslu qed nagħmlu differenza, żgħira kemm hi żgħira. Meta persuni jagħżlu li jagħmlu kuntatt magħna. Meta nirċievu kummenti li juru li qed jirnexxilna nilħqu nilħqu l-għanijiet tagħna.

X’inhuma l-miri ta’ skoperta.net?

Bla dubju ta’ xejn, li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-kontenut, li jkompli jikber ħalli b’hekk inkunu nistgħu nilħqu aktar nies, ikompli jikseb il-fiduċja ta’ aktar nies u kumpanija li jkunu lesti li jinvestu f’dan il-portal, u li kif għidt diġà, ikun dak il-portal li wieħed iħossu komdu biżżejjed li jfittex u jirrikorri għal kull tip ta’ kontenut.

Illum, sena wara, nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom li tagħżlu li ssegwu skoperta.net.

Jekk tixtieq tgħin lil skoperta.net ikompli jikber u jilħaq aktar nies, nistiednek tagħmel LIKE u SHARE lill-paġna ta’ Facebook ta’ Skoperta u tħeġġeġ lil sħabek jagħmlu l-istess!

Tista’ wkoll issegwina fuq Instagram billi tidħol fuq skoperta_official u tagħfas FOLLOW.


GRAZZI mill-qalb!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks