Marica Mizzi, li taħdem mal-Caritas bħala uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi u tagħmel sessjonijiet ma’ persuni li qiegħdin jagħmlu l-programm tal-Caritas biex jieqfu mid-droga, issostni li fil-gruppi tiltaqa’ ma’ ħafna stejjer li ma jitwemmnux. Tgħid Marica “Stejjer ta’ uġigħ, stejjer ta’ mħabba.” Hawnhekk Marica tirrakkonta kif f’kull persuna mtaqla bid-droga hemm l-imħabba moħbija bl-istess droga.
“Mingħajr droga dawn il-persuni jafu jħobbu u jxerdu l-imħabba.”
Marica Mizzi tappella biex lil dawn il-persuni ma niġġudikawhomx.
Tkompli tgħid “Kif nista’ niġġudika persuna li qed tieħu d-droga meta din trabbiet ma’ omm u missier li kienu jieħdu d-droga u mietu t-tnejn bid-droga? Kif nista’ niġġudikaha meta ta’ 11-il sena din il-persuna kienet diġà qed tieħu d-droga?”
Nhar is-Sibt it-13 ta’ Novembru, il-Caritas se torganizza maratona bit-tema “Bil-qalb kollha” trasmessa fuq l-istazzjonijiet kollha u fuq il-midja socjali, minn nofsinhar sa nofsillejl.

Marica Mizzi, il-produttriċi ta’ din il-maratona tgħid li l-bieb tal-Caritas miftuħ mhux biss għal dawk imġarba bid-droga imma għal dawk li jkunu għaddejjin minn xi saram tal-ħajja, il-Caritas toffri l-għajnuna kollha bla ħlas u kull min jitlob l-għajnuna jsib lil Caritas tgħidlu “Bil-qalb kollha”.
Il-Caritas taħdem ħafna mhux biss biex tgħin lil dawk li għandhom il-problema tad-droga, mhux biss tghin lill-familji tagħhom imma tgħin liż-żgħażagħ li qatt ma jkunu missu mad-droga.
“Aħna naħdmu fost it-tfal, fost l-istudenti biex iż-żgħażagħ ma jibdewx jieħdu d-droga, u għalhekk ukoll għandna bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd fil-maratona.”
