Select Page

Tiftakruh ir-redifjuxin u kif kienu jagħmlu r-radjudrammi? Minn drammi tar-radju għal trażmissjonijiet tal-aħbarijiet, l-istudjow tar-ridiffużjoni aġixxa bħala pjattaforma t’awdjo għall-atturi u, xi kultant, kienu jseħħu xi ġrajjiet mhux mistennija. Lejn tmiem din il-ġimgħa tista’ tgħix din l-esperjenza fl-erba’ ħitan ta’ studjow B, fi Spazju Kreattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.

Esperjenza teatrali mill-pinna ta’ Trevor Zahra li se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Galea marbuta mal-pubblikazzjoni ‘Remembering Rediffusion in Malta’ ta’ Dr Toni Sant, Rediffusion Jippreżenta… tesplora l-aspett storiku fl-istorja tax-xandir ta’ drammi imxanndra fuq ir-radju.

B’karattri interpretati minn kast talentuż, din l-istorja qsajra ta’ siegħa taqtalna l-kurżità fuq kif kienu jsiru dawn id-drammi – id-direttur imexxi l-kast tal-atturi li bejniethom jinterpretaw il-karattri mogħtija lilhom, b’persuna magħhom jagħmel il-ħsejjes dak il-ħin.

Dawn il-karattri se jkunu interpretati minn Lee N Abela, Henry Zammit Cordina, Charles Falzon, Carlos Farrugia, Rachel Micallef, Chris Grech u Aaron Fenech.

Rediffusion Jippreżenta… nhar it-12, 13 u 14 ta’ Novembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.

Biljetti jistgħu jiġu akkwistati minn www.kreattivita.org.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks