Bil-ġuħ, imsawta u marbutin bi ktajjen għal xhur sħaħ, huma biss ftit mill-abbużi li ġarrbu t-tfal tal-familja Turpin.
F’intervista esklussiva li saret fuq midja barranija, tnejn mill-aħwa Turpin, li flimkien mal-11 ħuthom l-oħra kienu msakkrin u abbużati mill-ġenituri tagħhom stess għal snin twal, tkellmu għall-ewwel darba dwar hekk kif iddeskrivew huma, l-“infern” li għaddew minnu matul dawk is-snin.
Dettalji dwar din il-familja ta’ ħmistax ħarġu wara li Jordan, waħda mit-tfal, li dak iż-żmien kellha 17-il sena, ħarbet minn darhom f’Perris, Kalifornja u ċemplet għall-għajnuna fuq 911 permezz ta’ mowbajl diżattivat.
Bid-dmugħ f’għajnejha, Jordan qalet li tant kien hemm drabi li kienu viċin il-mewt li ħasset li kellha tagħmel tentattiv biex jiġu salvati. Żiedet tgħid li kieku ġralha xi ħaġa, tal-inqas kienet tmut tipprova tikseb is-sigurtà tagħha u ta’ ħutha. Qalet li kien mument li jew dakinhar jew qatt.
Il-bniet Turpin iddeskrivew il-vjolenza brutali u s-snin imċaħħda mill-ikel, irqad, iġjene, edukazzjoni u kura tas-saħħa.
Skont il-prosekuturi, it-tfal kienu jingħataw ikla razzjonata waħda kuljum u kienu jitħallew jinħaslu darba fis-sena biss.
L-iżgħar wild tal-koppja deher li kien l-uniku wieħed li ma kienx abbużat.
Meta l-pulizija waslu fid-dar biex jinvestigaw it-telefonata ta’ Jordan, il-kbir mit-tfal kellu 29 sena, iżda tant kienu fi stat ħażin li għall-ewwel ma ndunawx li xi wħud mill-aħwa li sabu marbuta bil-ktajjen kienu adulti.
Fi Frar tal-2019, il-ġenituri tagħhom David u Louise Turpin ammettew l-14-il akkuża ta’ reat miġjuba kontrihom, inkluż tortura u moħqrija tat-tfal. Huma ġew ikkundannati għal bejn 25 sena u għomorhom il-ħabs.
Kważi erba’ snin wara li ġew salvati, l-aħwa qalu li jinsabu lesti biex jimxu ‘l quddiem u li minkejja li l-ġenituri ħadulhom snin sħaħ minn ħajjithom, lesti li jieħdu ħajjithom lura.
