Angelo Caruana qasam magħna din l-avventura, fejn permezz tal-kamera tiegħu qed jurina filmati mill-isbaħ taċ-Chadwick Lakes fl-aqwa tiegħu.

Iċ-Chadwick Lakes dak li jgħaqqad il-Widien Liemu u Qlejgħa. Matul is-snin ġew iffurmati sistemi sabiex jipprevjenu l-ilma milli jintilef fil-baħar. Dan l-ilma jintuża għall-irrigazzjoni.

Dawn l-għadajjar ġew iffurmati permezz ta’ diegi ta’ daqsijiet u għamliet differenti.

Hawnhekk wieħed jista’ jara l-ilma ġieri, numru ta’ pjanti fl-ilma kif ukoll insetti, apparti diversi siġar taż-żebbuġ fl-għelieqi tal-madwar. Wieħed isib ukoll il-luq u l-qasab, fl-ambjent naturali tagħhom. Hawnhekk huwa wkoll l-abitat naturali tal-uniku amfibju Malti, iż-żrinġ, apparti d-diversi mrieżep li wieħed jista’ jara. Tajjeb infakkru li huwa illegali li wieħed jaqbadhom.

Dan Il-wied minn dejjem ipprovda ammont ta’ ilma għal bdiewa tal-madwar. Sir Osbert Chadwick (1844-1913) kien ikkummissjonat biex jikkordina sistema ta’ provvista tal-ilma għal Malta u dan il-post kien ideali sabiex isir dan.

Dan il-wied apparti li għadu jservi l-għan li ġie maħluq għalih, dak li jippriserva l-ilma, illum sar attrazzjoni għal mijiet ta’ Maltin u turisti li jżuru dan il-post kuljum, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. Bħalissa ikun fl-aqwa tiegħu peress li jkun ħa ammont kbir ta’ ilma iġġenerat mix-xita li niżlet fuq il-gzejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem.

Infakru sabiex wieħed jieħu ħsieb dan il-post billi jżomm nadif u ma jagħmilx ħsara.

Angelo jixxerja magħna diversi avventuri li wieħed jista’ jimmaġina bħal trekking, ċikliżmu, abseiling, kayaking, caving, quad biking, postijiet abbandunati, skydiving u aktar.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks