Mill-inqas 68 priġunier inqatlu fi ġlied f’ħabs tal-Ekwador fejn aktar minn mitt priġunier mietu fi ġlied bejn gruppi rivali f’Settembru.
Ir-rewwixta fil-ħabs Litoral Penitentiary fil-belt ta’ Guayaquil allegatament bdiet l-Ġimgħa filgħaxija.
Rapporti jgħidu li l-pulizija li daħlu fil-bini tal-ħabs sabu pistoli, splussivi u xfafar. Madanakollu, uffiċjali qalu li reġgħu ħadu l-kontroll tal-ħabs.
Familja u ħbieb tal-priġunieri nġabru quddiem il-ħabs, fejn twaħħlet ukoll lista tal-ismijiet tal-vittmi.
Il-ħabs kien iddisinjat għal madwar 5,300 priġunier iżda bħalissa hemm 8,500.
S’issa, din is-sena mietu kważi 300 priġunier fil-ħabsijiet tal-pajjiż, u l-vjolenza relatata mal-gangs ta’ Settembru kienet l-agħar fl-istorja tal-Ekwador.
