Ġurnata qabel il-maratona tal-Caritas bit-tema “Bil-qalb kollha“, il-Monsinjur Victor Grech rebaħ il-Premju Anzjanità Attiva.

Il-Monsinjur Victor Grech għandu 92 sena, u huwa s-saċerdot li waqqaf il-Caritas, li tgħin ħafna nies bil-problemi tad-droga u l-familji tagħhom.

Fis-serata tal-premjazzjoni huwa ġie deskritt bħala persuna li b’ħidmietu kuljum jiġġieled il-faqar, jippromwovi l-iżvilupp uman u l-ġustizzja soċjali, hu ta’ spalla għal persuni b’vizzji u dawk li qed isegwu programmi ta’ rijabilitazzjoni, ma waqaf qatt jaħdem matul dawn is-snin kollha u għadu direttur spiritwali ta’ ħafna sal-ġurnata tal-lum.

Huma ħafna li jqisu lill-Monsinjur Victor Grech bħala pilastru f’ħajjithom.

“Illum għandi 92 sena u għadni kuntent bil-ħajja għax il-ħajja hija sabiħa ħafna. Naturalment, saqajja m’għadhomx kif kienu, għalkemm għadni nsuq kuljum, però qalbi baqgħet ċkejkna. Il-ħajja trid tkun attiv fiha, ma tridx tieqaf.” – Monsinjur Victor Grech

Ilbieraħ waqt il-maratona tal-Caritas li damet għaddejja minn nofsinhar sa nofsillejl, inġabru €268,196, li bla dubju ta’ xejn kien premju ieħor mill-isbaħ li seta’ jirċievi l-Monsinjur Victor Grech.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks