Iben Muammar Gaddafi, Saif al-Islam ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-pajjiż ix-xahar id-dieħel.
Saif al-Islam, li hu mfittex mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fuq akkużi ta’ reati kontra l-umanità relatati mar-rewwixta tal-2011, ressaq id-dokumenti tal-kandidatura tiegħu fil-belt tan-nofsinhar ta’ Sabha.
Iben Gaddafi kien inqabad minn suldati tard fl-2911, is-sena meta rewwixta rnexxilha twaqqaf lil missieru wara aktar minn 40 sena fil-poter. Gaddafi aktar tard ġie maqtul fost il-ġlied li rriżulta li kien se jinbidel fi gwerra ċivili.
F’filmat li ttella’ minn uffiċjal elettorali, Saif al-Islam indirizza lill-kamera, u qal li Alla se jiddeċiedi t-triq it-tajba għall-futur tal-pajjiż.
Din hija l-ewwel darba li deher fil-pubbliku wara ħafna snin.
Huwa kien inħeles f’Ġunju tal-2017 wara aktar minn 5 snin ta’ detenzjoni.
Il-kandidatura tiegħu mistennija tqanqal kontroversja fil-pajjiż.
L-elezzjonijiet presidenzjali fil-Libja mistennija jsiru fl-24 ta’ Diċembru, wara snin ta’ tentattivi mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti għal futur aktar demokratiku u tintemm il-gwerra tal-pajjiż.
