Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żewġ imgħaref żejt taż-żebbuġa

4 koxox tat-tiġieġ bl-għadam u bil-ġilda

Nofs tazza għasel

Nofs tazza ħall tat-tuffieħ (apple cider vinegar)

Bżaru aħmar milli jaħraq, bla żerriegħa u mqatta’ fin

Kuċċarina kemmun midħun

Kuċċarina trab tat-tewm

Nofs kuċċarina melħ

Żewġ kuċċarini cornstarch

Żewġt imgħaref ilma

Metodu:

  • Saħħan il-forn minn qabel.
  • Żid iż-żejt taż-żebbuġa f’taġen kbir fuq nar qawwi.
  • Meta ż-żejt ikun jaħraq sew, żid it-tiġieġ, bin-naħa tal-ġilda ‘l isfel.
  • Aqli għal madwar 8 minuti jew sakemm il-ġilda tieħu kulur kanella.
  • Eqleb it-tiġieġ u aqli għal 5 minuti oħra.
  • Neħħi l-biċċiet tat-tiġieġ mit-taġen u poġġihom ġo dixx tal-forn.
  • Għalissa warrabhom f’post sħun.
  • Baxxi n-nar għal medju. Żid il-ħall tat-tuffieħ, l-għasel, il-bżaru aħmar, il-kemmun, it-trab tat-tewm, u l-melħ. Ħallih itektek għal 3 minuti.
  • Sadanittant ġo tazza poġġi l-ilma u l-cornstarch u ħawwad sakemm il-cornstarch jinħall kompletament.
  • Issa żid it-taħlita tal-cornstarch ġot-taġen mat-taħlita tal-għasel u ħawwad biex tgħaqqad. Sajjar għal żewġ minuti jew sakemm il-glaze tkun saret magħquda.
  • Ferra nofs il-glaze fuq il-biċċiet tat-tiġieġ fid-dixx tal-forn sakemm tara li ksejthom sew.
  • Sajjar mikxuf fil-forn għal kwarta.
  • Wara kwarta neħħi d-dixx mill-forn u erġa’ iksi t-tiġieġ bil-glaze li baqagħlek.
  • Erġa’ sajjar għal kwarta oħra.
  • Servi immedjatament.

Tista’ sservihom ma’ kwalunkwe kontorn ta’ patata jew ħaxix.

Jekk tixtieq li sservihom mal-kontorn li għandi jien fir-ritratti huwa facli ħafna…..

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

4 patatiet imdaqqsa, imqattgħin roti rqaq

Żewġ basliet kbar, imqattgħin roti rqaq

8 faqqiegħ, imqattgħin roti rqaq

4 sinniet tewm, imqattgħin irqaq

10 cherry tomatoes maqsumin min-nofs

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Mgħarfa nbid abjad

Nofs dada tal-istokk tat-tiġieġ imdewba f’200ml ilma

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Kuċċarina kari

Mgħarfa ġobon cheddar maħkuk u mgħarfa ġobon mozzarella maħkuk imħalltin flimkien

Metodu:

  • L-aħjar li tuża taġen daqxejn fond u li għandu għatu.
  • Fit taġen saħħan iż-żejt u l-inbid.
  • Żid il-basal, il-faqqiegħ u it-tewm.
  • Żid il-bżar, il-melħ u il-kari.
  • Ħawwad sew u aqli sakemm il-basal jirtab.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar u itfa’ t-taħlita tal-basal ġo platt għal ftit ħin.
  • Issa rranġa it-tadam fil-qiegħ tat-taġen.
  • Fuq it-tadam poġġi saff patata.
  • Itfa’ nofs it-taħlita tal-basal fuq il-patata.
  • Erġa’ agħmel saff patata u spiċċa billi tferrex il-kumplament tat-taħlita tal-basal fil-wiċċ.
  • Ferra l-istokk tat-tiġieg li lestejt, għatti t-taġen u poġġi fuq nar baxx għal madwar kwarta, jew sakemm b’furketta tara l-patata saret sew.
  • Issa ferrex il-ġobon fil-wiċċ u erġa’ għatti u sajjar fuq nar baxx għal xi żewg minuti sakemm idub il-ġobon.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks