L-avventura għal din il-ġimgħa flimkien mal-esploratur Angelo Caruana se teħodna f’żewġ għerien li jinsabu fil-limiti ta’ Birżebbuġa. Għar ir-Riħ u Għar in-Nagħaġ, għalkemm hemm diversi xnihat li l-ismijiet tagħhom jistgħu jkunu differenti peress li hemm għerien oħra fl-istess akwata li ħafna jissejħu bl-istess isem. Huma żewġ għerien li ftit jafu nies bihom però wieħed jista’ jilħaq faċilment dawn iż-żewġ għerien.

Għar ir-Riħ jinsab quddiem wieħed mill-passaġġ mal-irdum li l-bokka hija moħbija wara blata kbira. Kif tidħol fih issib diversi formazzjonijiet ta’ blat li ffurmaw mas-snin. Fl-aħħar tiegħu tiġi għal bokka oħra li tagħti għal fuq il-baħar b’veduti mill-isbaħ kif jixhdu dawn ir-ritratti u l-filmati li qasam magħna Angelo.

Tajjeb li nfakkru li dawn huma postijiet li meta wieħed iżurhom irid jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għax jistgħu jkunu ta’ periklu.
