Nhar l-Erbgħa l-10 ta’ Novembru, P. Aaron Zahra kellu udjenza mal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku flimkien mas-Sindku tal-Birgu s-Sur John Boxal, kunsilliera u l-Arċipriet tal-Birgu.

Ritratt li qasam P. Aaron fuq il-midja soċjali, qanqal kurżità fost ħafna dwar ir-raġuni li P. Aaron u l-Papa jidhru qiegħdin jidħku. P. Aaron qalilna li hu u l-Papa Franġisku iċċajtaw bejniethom għax il-Papa huwa Ġiżwita u P. Aaron huwa Dumnikan.

Però hemm storja warajha!

Fl-istorja tal-Knisja d-Dumnikani u l-Ġiżwiti ma’ tantx kienu jaraw lil xulxin minn lenti sabiħa. Il-kwistjoni tmur lura lejn is-seklu 16 fuq dibattitu teoloġiku fuq il-grazzja t’Alla magħruf bħala de auxiliis. Il-Papa Pawlu V fl-1607 malajr ikkonkluda din il-kwistjoni fil-qasir għax qalilhom li kemm id-Dumnikani u kif ukoll il-Ġiżwiti mhux qed ikunu eretiċi f’dak li qed jgħidu imma projbixxihom milli jippubblikaw materjal fuq din il-kwistjoni mingħajr il-permess tiegħu.

Fatt interessanti ferm huwa li minkejja r-rivalità bejn żewġ ordnijiet, meta l-Ġiżwiti kienu se jiġu mkeċċija mill-knisja fis-seklu 18, id-Dumnikani qabżu għalihom. Illum insibu diversi ċajt fuq il-kwistjonijiet tal-imgħoddi bejn dawn iż-żewġ ordnijiet reliġjużi.

P. Aaron qallilna li din kienet ir-raba’ darba li huwa ltaqa’ personalment mal-Papa Franġisku, imma jirrakonta li l-iktar laqgħa li jibqa’ jgħożż kienet meta kien djaknu mal-Papa Franġisku f’Ras ir-Randan tal-2017 ġewwa l-Bażilika ta’ Santa Sabina f’ Ruma.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks