Select Page

Is-sindromu ta’ iperventilazzjoni jikkonsisti minn ġabra ta’ sintomi fiżiċi u emozzjonali, li jseħħu meta persuna tkun qed tieħu n-nifs b’rata iktar mgħaġla mill-bżonnijiet naturali tal-ġisem. Għaldaqstant, il-livell ta’ dijossidu tal-karbonju fil-ġisem jista’ wkoll jonqos, li jwassal għal żieda fil-pH tad-demm.

Is-sindromu ta’ iperventilazzjoni jista’ jkun każ kroniku jew akut, fejn għandu wkoll it-tendenza li jseħħ f’forma ta’ attakki ta’ paniku. Is-sintomi tas-sindromu tal-iperventilazzjoni jistgħu jinkludu:

  • Qtugħ ta’ nifs
  • Uġigħ fis-sider
  • Rati ta’ nifs jew tal-qalb mgħaġlin
  • Ansjetà
  • Għeja
  • Nuqqas ta’ rqad
  • Sturdament
  • Viżjoni mċajpra
  • Uġigħ ta’ ras
  • Idejn jew saqajn kesħin
  • Uġigħ fiż-żaqq
  • Ebusija fil-muskoli
  • Sensazzjonijiet ta’ rogħda jew tingiż

Is-sindromu ta’ iperventilazzjoni huwa iktar komuni fin-nisa ta’ bejn il-15 u l-55 sena. Il-fattur kawżattiv ewlieni ta’ din il-kundizzjoni hija l-ansjetà, li ta’ spiss tirriżulta minn rispons tal-ġisem għal sitwazzjonijiet stressanti.

Wieħed jista’ jtejjeb il-mod ta’ kif jieħu n-nifs billi jitgħallem kif jieħu n-nifs bil-mod u fil-fond, anke permezz ta’ borża tal-karti inizjalment, li tgħin sabiex wieħed jirrilassa, filwaqt li jkun qed jespandi wkoll id-dijaframma. Wieħed jista’ wkoll jikseb pariri mingħand fiżjoterapisti dwar kif wieħed jista’ jieħu n-nifs b’mod korrett bl-użu ta’ eżerċizzji speċifiċi, f’attakk ta’ paniku.

Huwa importanti wkoll li wieħed jevalwa u jnaqqas ċerti sitwazzjonijiet potenzjalment stressanti għalih. Wieħed għandu jfittex li jorqod irqad san għal minn tal-inqas 8 sigħat kuljum. Kif ukoll, wieħed għandu jevita li jiekol junk food spiss, u minflok ifittex li jadotta dieta bilanċjata mimlija frott u ħaxix, ċereali u qmuħ, ġewż u proteini li jgħinu biex tingħata spinta enerġija lill-ġisem fit-tul.

Huwa importanti wkoll li wieħed isib ftit ħin fil-ġurnata sabiex jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Huwa tajjeb li tipprova xi attivitajiet ta’ rilassament bħal yoga jew meditazzjoni. Il-“mindfulness” hija teknika aktar avvanzata, li tgħinna niffukaw fuq li nkunu preżenti bis-sħiħ fil-mument, u nesperjenzaw dak li jkun qed jiġri madwarna eżattament waqt li dan ikun qed iseħħ, sabiex kemm moħħna u ġisimna jħossuhom aktar kalmi. Wieħed jista’ wkoll sempliċiment jisma’ xi mużika favorita, imur jiġri, jew jagħmel xi forma oħra ta’ taħriġ fiżiku. Wieħed jista’ wkoll ifittex li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jisimgħu. Hemm diversi professjonisti tas-saħħa u servizzi ta’ terapija li huma disponibbli biex jgħinuk.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks