Aħbar sabiħa għall-artisti, kollezzjonisti tal-arti u għas-segwaċi kollha tax-xena tal-arti. Lok ġdid fejn artist jista’ jesibixxi xogħlu u esperjenza ċertament mill-isbaħ għal min iħobb isegwi u japprezza l-arti ġewwa pajjiżna.
Art by the Seaside jinsab ġewwa l-Isla, f’parti tradizzjonali ta’ Malta, titla’ jew tinżel għal-lok minn taraġ li jagħti għal fejn il-baħar. Sa minn qabel tidħol tħoss l-atmosfera familjari; tilqgħek entratura bl-antiporta, li onestament kont ili ma nesperjenza. Malli tidħol issib il-kmamar li mal-ewwel daqqa t’għajn tieħu idea ta’ kemm hemm kmamar bix-xogħol esibit.

Din il-gallerija tal-arti armata fuq stil ta’ dar tradizzjonali Malti, mill-madum tal-art sal-għamara. Għamara li ovvjament titnaqqas jew tiċċaqlaq skont ix-xewqa tal-artist, li se jkun qiegħed jesibixxi xogħlu. Mgħammra wkoll bi kċina u gallarija li tagħti għat-triq ta’ mal-baħar.
Artist jista’ faċilment joħloq ħsus differenti għall-ispettaturi li jiġu sabiex josservaw xogħlu, minn kamra għall-oħra. Jista’ wkoll joħloq sens ta’ dar u min jattendi jħossu milqugħ, parti minn familja waqt li qiegħed josserva u japprezza xogħol l-artist.

L-ewwel wirja ġewwa Art by the Seaside se tkun dik ta’ Rebecca Ranieri; M’haju allibbirari li se tittella’ bejn il-25 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021.
Bħala ħinijiet tal-ftuħ huma f’idejn l-artist li jkun qiegħed jesibixxi. Qiegħdin isiru preparamenti għall-wirja li jkun imiss wara l-wirja ta’ Rebecca. Għaldaqstant inħeġġukom li ssegwu l-paġna ta’ Facebook Art by the Seaside għal aktar dettalji u aġġornamenti. Fejn tistgħu wkoll tikkuntatjawhom.


Kontributriċi