Select Page

“Għal daqshekk?” dħaqtlu u kxift xedaq snien bojod sbieħ. Jekk ma kelli xejn sew, kelli snieni perfetti. “Tħallas int imma hux?”
“Mhux hekk………” weġibni.
Tajtu daqqa t’għajn ħafifa biex naċċerta ruħi li ma kienx qed jiċċajta.
“Tajjeb hekk.”
“Grazzi.”
Il-ġurnata li kellna mmorru Londra kienet waslet malajr. Peress illi kulħadd kien jgħid li hemm kien jagħmel ħafna ksieħ, ommi tgħidx kif kienet geżwritna f’xalel u ġkieket u kalzetti u qliezet fuq xulxin……..ħassejtni miexi lejn l-ajruport qisni robot. U lil ħija bilkemm kont qed narah fil-ħwejjeġ……..peress illi hu ma fih xejn.
Skont ħija, kien sab xi lukanda prima. Kelli seba’ mitt sena sakemm naraha.
Iżda malli wasalna Londra, qbadna karozza tal-kiri u wasalna quddiem ‘il-lukanda’. Jien xejn ma ħassejtni impressjonat. Anzi, għall-kuntrarju, ħarist minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq tal-lukanda u kelli aptit nitlaq niġri lura lejn l-ajruport u naqbad l-ewwel ajruplan lura lejn Malta.
“Sabiħa?” staqsieni ħija Leonard.
Bilkemm flaħt inwieġbu. Ħassejt għajnejja joħorġu xiber minn ġo rasi, xufftejja tkemmxu waħedhom u saqajja baqgħu stirati bi dritt.
“U ejja Mike, naf li stennejt aħjar. Imma ma kellix flus għal-lussu. U aħna mhux kemm norqdu?” qalli, hekk kif ħataf il-bagalja żgħira li kien ġab miegħu u telaq jimxi lejn ‘il-lukanda’ ħalli ma jagħtinix ċans neqred u ngerger.
“Kerha. Se taqa’ biċċiet. Il-ħġieġ tat-twieqi maħmuġ. U jekk hemm xi nsetti? Jien nibża’. Taf inti…….U tidher qadima. Donnu hawn………donnha waħda minn dawk il-lukandi li tara f’xi film tal-biża!” ridt ngħidlu.
Iżda gdimt ilsieni, berraqt għajnejja u dħalt warajh. Ir-riħa ta’ umdu li laqgħetni, ħassejtha nieżla sa griżmejja u terġa’ titla għal widnejja.
Iż-żebgħa tal-ħitan kienet imqaxxra kollha. L-injam tal-art kien qed jagħmel ħsejjes ta’ żaqżiq kontinwu. It-tfajla li kien hemm wara l-iskrivanija kienet tidher xi ftit imdellka u kellha ċ-ċrieki suwed taħt għajnejha.
“Kemm ilek ma torqod?” kelli aptit nistaqsiha iżda tbissimtilha għax kont qed nibża’.
Malli dħalt fil-kamra fejn konna se nqattgħu l-lejl ħassejt is-suf ta’ dahri jitla’ xewk, xewk ‘il fuq.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks