Għal dawn l-aħħar 13-il sena, bosta aspetti tal-finanzi u l-ħajja personali tal-istilla tal-pop Britney Spears kienu qed jiġu kkontrollati minn missierha li kien il-gwardjan legali tagħha.

Dan beda fl-2008, wara li l-kantanta iffaċċjat kriżi pubblika ta’ saħħa mentali.

Ftit jiem ilu, il-qorti ħelset lill-kantanta minn kull irbit legali ma’ missierha. Hija ddeskriviet din il-ġurnata bħala l-isbaħ jum ta’ ħajjitha.

F’Ġunju, il-kantanta kienet talbet lill-imħallef biex iwaqqaf l-arranġament legali li kien sar, li fi kliemha kien wieħed abbużiv u qalet li kienet trawmatizzata.

F’Settembru, missierha, li ċaħad bil-qawwa kull aġir ħażin, tneħħa minn gwardjan legali. Madanakollu, issa l-imħallef iddeċieda li jtemm l-arranġament legali kompletament.

Dan ifisser li l-kantanta fl-aħħar għandha l-libertà li tieħu d-deċiżjonijiet mediċi, finanzjarji u personali tagħha għall-ewwel darba mill-2008.

Din id-deċiżjoni ġiet milqugħa minn ferħ u ċelebrazzjonijiet tal-fans ta’ Spears.

Min-naħa tagħha, hija qalet li l-fans tagħha salvawlha ħajjitha, għall-fatt li ma waqfux jistaqsu u jxerdu pubblikament dak li kienet għaddejja minnu waqt li hi kienet imsikkta u mhedda.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks