Il-Fun Run tal-President li saret nhar il-Ħadd li għadda b’risq il-Community Chest Fund, u li għaliha n-nies attendew bi ħġarhom, qanqlet reazzjonijiet u mistoqsijiet.
Ħafna qiegħdin jiddubitaw mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-attivitajiet tal-massa li qed jagħżlu li jagħtu permess li jsiru u dawk li qed jipprojbixxu.
Wara kontroversji li qamu dwar attivitajiet oħrajn, anki minħabba ż-żieda ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19 li kellna matul dawn l-aħħar ġimgħat, kompliet tqajjem kontroversja l-Fun Run li saret f’24 lokalità, u li għaliha attendew madwar 7,000 persuna.
Fost dawk li kkummentaw fuq il-midja soċjali kien hemm l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi, Mario Mangion.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu staqsa x’inhi d-differenza bejn 100 ruħ mexjin biex jiġbru l-flus għall-karità u 100 ruħ mexjin wara xbieha ta’ Ġesù Bambin fil-Milied.
“Il-pandemija qed isservi ta’ skuża biex tiġi kkontrollata l-prattika reliġjuża?”
Huwa żied jgħid li filwaqt li jifhem li qiegħdin f’sitwazzjoni mhix normali, u li nixtiequ nkunu aħjar iżda jippretendi li kulħadd ikun trattat l-istess.
