Select Page

Mill-inqas 46 persuna, inklużi 12-il tifel u tifla, mietu meta karozza tal-linja ġġarfet u ħadet in-nar fil-punent tal-Bulgarija.

Ix-xarabank kienet irreġistrata fil-Maċedonja ta’ Fuq u l-biċċa l-kbira ta’ dawk abbord kienu turisti li kienu qed jirritornaw minn vjaġġ lejn Istanbul fit-Turkija.

Seba’ persuni li minkejja li sofrew ħruq, irnexxielhom isalvaw, ittieħdu l-isptar.

S’issa għadu mhux magħruf eżattament x’wassal għal din it-traġedja.

L-ebda vettura oħra ma kienet involuta fl-inċident.

Il-midja Bulgara qalet li l-karozza tal-linja kienet qed tivvjaġġa bħala parti minn konvoj ta’ erba’ karozzi tal-linja u kienet waqfet f’pompa tal-petrol qrib Sofia madwar siegħa qabel l-inċident. Il-karozzi tal-linja l-oħra rritornaw lejn il-Maċedonja ta’ fuq mingħajr periklu.

Il-vittmi għadhom ma ġewx identifikati uffiċjalment, iżda uffiċjali qalu li kienu jinkludu tfal, u żgħażagħ ta’ bejn l-20 u t-30 sena.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks