L-attakkant ta’ Franza u Real Madrid Karim Benzema instab ħati għall-involviment tiegħu fir-rikatt ta’ eks plejer internazzjonali fuq vidjow sesswali.

Il-futboler kien ikkundannat sena ħabs sospiża u mmultat €75,000.

L-avukati tiegħu saħqu li se jappellaw il-verdett.

Il-plejer ta’ 33 sena kien wieħed minn ħames persuni li tressqu ġuri x-xahar li għadda fuq attentat ta’ rikatt fuq Mathieu Valbuena.

Dan wassal liż-żewġ plejers jitilfu posthom fit-tim nazzjonali.

Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2015, meta ż-żewġ futbolers kienu f’kamp ta’ taħriġ Franċiż.

Skont il-prosekuturi, Benzema għamel pressjoni fuq Valbuena biex iħallas lir-rikattaturi, li hu stess kien ikkonfoffa magħhom.

Benzema dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet u saħaq li kien qed jipprova biss jgħin lil Valbuena jeħles mill-filmat kompromess.

Minn dakinhar il-plejer irritorna mat-tim ta’ Franza u mistenni jibda ma’ Real Madrid l-Erbgħa filgħaxija meta jilagħbu kontra FC Sheriff Traspol fiċ-Champions League. Il-verdett mhuwiex se jaffettwa xejn minn dan.

Benzema ma kienx preżenti fil-qorti f’Versailles għall-vetdett, u lanqas Valbuena li jilgħab mal-klabb Grieg Olympiakos.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks