Mis-Sibt f’nofsillejl, Malta se tkun qed twaqqaf b’mod temporanju l-ivvjaġġar lejn pajjiżi fejn instab il-varjant il-ġdid tal-Covid-19. Bħalissa dan jinkludi l-Afrika t’isfel, in-Namibja, il-Lesotho, il-Botswana, l-Eswatini u ż-Żimbabwe.

Dan tħabbar mid-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fuq il-midja soċjali.

Aktar pajjiżi qed jissikkaw ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tagħhom wara l-iskoperta ta’ varjant ġdid tal-Covid-19 fl-Afrika t’isfel aktar kmieni din il-ġimgħa.

Ir-Renju Unit, Singapor u l-Ġappun huma fost dawk li qed jieħdu azzjoni immedjata dwar miżuri ta’ kwarantina aktar stretti u jipprojbixxu titjiriet mill-Afrika t’isfel u pajjiżi ġirien.

L-UE qed tipproponi li tipprojbixxi t-titjiriet mir-reġjun kollu.

Ix-xjentisti għad għandhom ħafna x’jitgħallmu dwar il-varjant, iżda jgħidu li huma nkwetati ħafna dwaru.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li jridu jgħaddu ftit ġimgħat biex wieħed jifhem l-impatt tal-varjant il-ġdid, hekk kif ix-xjenzati jaħdmu biex jiddeterminaw kemm hu trasmissibbli.

Il-varjant huwa differenti ħafna mill-oħrajn li ħarġu s’issa. Ix-xjentisti qalu li hija l-verżjoni l-aktar mutata s’issa, li jfisser li l-vaċċini li ntużaw jistgħu ma jkunux daqshekk effettivi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks