Il-biċċa l-kbira tan-nies, lil Vanni Pulé jafuh bħala illużjonist. Fil-fatt, ilu jiddeverti u jgħaġġeb lill-poplu Malti u lit-turisti li jżuruna kif ukoll lin-nies f’pajjiżi oħra, mal-50 sena!

Iżda ftit forsi jafu li Vanni kien jaf ipinġi qabel beda jagħmel il-maġija. Meta kellu biss 13-il sena kienu diġà ppubblikawlu cartoon strips regolari fuq gazzetta lokali. Fil-bidu tas-snin 70 kien ipinġi l-karikaturi fuq ġurnal ewlieni. Kompla jpinġi u jpitter u tgħallem taħt Harry Alden u Anthony Calleja filwaqt li ħa kors tal-Masters f’Upper Saint Martin’s Art College, Londra.


Ħa sehem f’diversi wirjiet kollettivi kemm f’Malta kif ukoll barra. Madwar sitt snin ilu kellu wirja solo f’Spazju Kreattiv tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Minn dak iż-żmien, il-pitturi tiegħu inxterdu mal-Ingilterra, l-Italja, l-Amerika u l-Awstralja, f’kollezzjonijiet privati.

Nhar is-Sibt 27 ta’ Novembru se tiftaħ wirja oħra solo tiegħu bl-isem ta’ Ilwien, fl-Imperial, tas-Sliema, fejn, f’żewġ swali kbar, se jiġu esibiti madwar 45 biċċa oriġinali biż-żejt, akkwarelli u akriliċi. Din se tibqa’ miftuħa sal-14 ta’ Diċembru bejn id-9 ta’ filgħodu u s-7 ta’ filgħaxija.

Din se ssir b’kollaborazzjoni mal-Malta Cultural Institute u l-wirja se tiżżanżan waqt kunċert nhar is-Sibt filgħaxija.

Min jixtieq iżur jista’ jmur fil-ġranet imsemmija hawn fuq, imma importanti li jkun imlaqqam u jilbes il-maskra waqt li jkun hemm. L-Imperial għandhom parkeġġ taħt l-art.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks